Dubji dwar il-mottiv wara l-agħar qtil tal-massa fil-Kanada

REUTERS/John Morris

Read in English.

Il-pulizija Kanadiża għadha qed tfittex il-motiv wara l-agħar qtil tal-massa fil-pajjiż, hekk kif l-għadd ta’ persuni mejta wara l-massakru li seħħ f’Nova Scotia fi tmiem il-ġimgħa tela’ għal 23 minn 19, skont stqarrija tar-Royal Canadian Mounted Police (RCMP) nhar it-Tlieta.

Il-massakru ħasad lil bosta komunitajiet rurali fil-provinċja Atlantika, filwaqt li l-investigaturi għadhom qed ifittxu risposti għal diversi mistoqsijiet bħal kif il-qattiel irnexxielu jikseb uniformi tal-pulizija awtentika u kif il-karozza tiegħu kienet tidher qisha waħda tal-pulizija, żewġ fatturi li assistewh biex jiċċaqlaq faċilment matul l-attakk li dam 13-il siegħa.

Madwar il-provinċja fejn joqgħodu ftit inqas minn miljun persuna, qed jitwaqqfu monumenti ta’ tifkira li jinkludu bnadar tal-Kanada, fjuri u stampi ta’ qlub maqsuma. L-aġenzija tal-aħbarijiet Canadian Broadcasting Corpirrappurtat li l-qattiel kien fost il-persuni li tilfu ħajjithom.

L-inċident beda f’dar f’Portapique, komunità rurali ħdejn il-baħar fejn jgħixu madwar 100 persuna matul ix-xitwa, imma l-popolazzjoni titla’ għal madwar 250 persuna fis-sajf.

L-RCMP qalu fi stqarrija li kienu qed jiġu investigati 16-il sit li kienu involuti f’dan id-delitt, diversi minnhom jinkludu djar li ġew maħruqa. Il-pulizija qalu wkoll li hemm numru ta’ persuni feruti b’riżultat tal-attakk, imma ma taw l-ebda indikazzjoni dwar jekk in-numru ta’ mwiet hux mistenni jibqa’ jikber.

Gabriel Wortman, il-qattiel ta’ 51 sena li kien jaħdem bħala assistent dentali, beda l-attakk vjolenti tiegħu tard nhar is-Sibt. Hu nqatel mill-pulizija f’nofsinhar nhar il-Ħadd fi stazzjon tas-servizz għall-vetturi.

L-iżgħar vittma kkonfermata s’issa kellha 17-il sena, skont rapport tal-RCMP. Il-qattiel kien jaf lil uħud mill-vittmi, iżda oħrajn ma kellhom l-ebda konnessjoni miegħu. Fost il-mejtin kien hemm uffiċjal tal-pulizija, għalliema u infermiera.

Kristen Beaton, infermiera, inqatlet waqt li kienet fuq xogħolha, skont paġna GoFundMe li twaqqfet f’isimha. Ir-raġel tagħha, Nick, qal lil CTV News li kien wissa lil martu dwar il-preżenza ta’ qattiel ftit minuti biss qabel ma nqatlet. Hi kienet tqila bit-tieni tarbija tal-koppja.

“Lanqas biss konna għidna lill-familjari tagħna,” qal. “Konna se ngħidulhom din il-ġimgħa, kienet se tieħu vaganza.”