Dubji dwar il-kampjuni tad-demm f’każ ta’ qtil involuntarju

Il-kampjuni tad-demm li ttieħdu minn sewwieq li qed jiġi akkużat bil-qtil involuntarju ta’ sieħbu jistgħu joffru tidwira fil-każ, hekk kif illum is-seduta fil-Qorti ffukat fuqhom u tqajmu dubji dwarhom.
Fil-Qorti kompla l-każ ta’ Terence Tanti ta’ 24 sena, li fis-sigħat bikrin tal-Ewwel tas-Sena tal-2015, kien qed isuq fin-Nadur lura minn party privat, meta l-karozza baqgħet dieħla f’ħajt u arblu tad-dawl.
Miegħu kien hemm xi ħbieb, fosthom Matthew Meilak ta’ 22 sena minn San Ġwann, li dakinhar kien tilef ħajtu.
Jidher li ftit tas-sigħat wara l-inċident, Tanti kienu tteħdulu xi kampjuni tad-demm biex jiġi vevrifikat kienx fis-sakra jew le, u r-riżultati wrew li kien hemm livelli ferm ogħla ta’ alkoħol minn kemm hu permess.
Instab li kellu 260mg/fl, meta l-limitu hu 80mf/dl.
Madankollu l-akkużat dejjem wieġeb li ma kienx fis-sakra.
Fis-seduta tal-lum, l-espert forensiku Mario Scerri kien mistoqsi mill-avukat ta’ Tanti dwar għand min qegħdin il-kampjuni tad-demm, u dwar meta tpoġġew fil-mortwarju u min iddepożitahom hemmhekk.
Madankollu l-espert ma kienx kapaċi jwieġeb dawn il-mistoqsijiet, għalkemm qal li t-tekniċi tal-mortwarju jridu jinfurmawh meta jaslu fil-mortwarju, u rrimarka li l-Ispettur Frank Tabone kien ħadhom, iżda ma setax jiftakar meta.
Scerri qal li dakinhar tal-inċident, jipifieri fl-1 ta’ Jannar, ma marx il-kamra mortwarja, għax kien appuntat mill-Qorti ġimagħtejn wara, u ma’ dan żied li l-kampjuni mbagħad għaddiehom lil espert ieħor ibbażat fir-Renju Unit.
Sadanittant ħareġ li dawn il-kampjuni ma kellhomx id-dokumentazzjon kollha neċessarja tal-idejn kollha li għaddew minnhom, u allura hi aktar diffiċli li jkun magħruf meta saru t-testijiet.
Scerri żied li hu ma kienx eżamina lill-akkużat.
Il-kobbla tkomplim titħabbel, għax fil-Qorti nstema’ li Tanti ddeskriva preċiżament l-inċident, u hawnhekk l-espert Scerri qal li ma jistax ikun li kellu dak l-ammont ta’ alkoħol fid-demm u kien kapaċi jiddeskrivi b’dal-mod.