Dubji dwar għala l-Gvern ħeles mis-sit tal-ITS b’urġenza – Kamra tal-Kummerċ

Read in English.

Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li qamu dubji dwar għalfejn il-Gvern għażel li jeħles mis-sit tal-ITS f’San Ġiljan.

Fi stqarrija, il-Kamra tal-Kummerċ qalet li aktar ma tiġi ċċarata malajr l-kwistjoni aktar jkun aħjar għal Malta. Dan biex jiġi eliminat kull suspett żejjed.

“Ir-rapport reċenti tal-NAO dwar il-bejgħ tas-sit li qabel kien okkupat mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi, jenfasizza għadd ta’ punti serji u leġittimi tat-tħassib dwar ir-regolarità jew l-irregolarità tat-tender għat-trasferiment tal-bini tal-ITS f’San Ġiljan minn Projects Malta ħames snin ilu,” qalet il-Kamra.

Il-Kamra qed issejjaħ għal spjegazzjonijiet dettaljati dwar x’ġara f’dan il-każ fl-interess tal-governanza tajba.

Il-Kamra fakkret kif l-NAO sab li Projects Malta Ltd ikklassifikat it-trasferiment bħala konċessjoni għal t’apposta imma li naqset milli ġġib l-awtorizzazzjoni mid-Dipartiment tal-Kuntratti qabel ma ġiet ippubblikata t-talba għall-proposti. L-NAO qal li hemm dubji dwar ir-regolarità ta’ din it-talba. Qam ukoll tħassib dwar il-Kumitat tan-Negozjar.

Il-Kamra appellat lill-Gvern biex jipprattika l-ogħla standards etiċi meta jiġi biex jiddisponi minn proprjetà pubblika. Qalet li filwaqt li tapprezza li bħalissa hemm pandemija, l-awtoritajiet għandhom isolvu din is-sitwazzjoni fl-interess tal-governanza tajba.

F’Marzu l-Awditur Ġenerali esprima d-dubji tiegħu dwar ir-regolarità tat-tender maħruġ minn Projects Malta biex il-Gvern ibiegħ is-sit li qabel kien tal-ITS lill-grupp DB.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ppubblika r-rapport li fih indika li Projects Malta naqset milli ġġib l-awtorizzazzjoni tad-Dipartiment tal-Kuntratti qabel ħarġet is-sejħa għall-proposti f’Novembru 2015 għad-disinn, il-bini u l-operat ta’ żvilupp turistiku fuq is-sit li kien okkupat mill-ITS. Ir-rapport jgħid ukoll li l-parti residenzjali ma ngħatatx prominenza fis-sejħa ta’ interess maħruġa mill-Gvern. Konsegwenza li aktarx wasslet biex ikun hemm sottomissjkoni waħda, dik tal-grupp db.

Joseph Muscat u Konrad Mizzi qed iwaħħlu f’xulxin minħabba t-trasferiment tal-art tal-ITS lid-DB Group, skont l-għaqda Repubblika.