Drone mill-Indja taqa’ fiċ-Ċina

Skont il-midja Ċiniża, drone mill-Indja waqgħet fiċ-Ċina wara li allegatament invadiet it-territorju tal-pajjiż.
Id-Deputat Direttur għal-Uffiċju Ċiniż tal-Gwerra fir-Reġjun tal-Punent qal li l-inċident seħħ fl-aħħar jiem iżda ma żvelax dettalji tal-post li fih waqa’ d-drone. Madanakollu, huwa ġie kkwotat li qal li l-Indja kienet invadiet is-sovrenità territorjali Ċiniża.
Huwa spjega kif il-forzi Ċiniżi fuq il-fruntieri wettqu verifikazzjonijiet dwar id-drone.
Skont il-midja internazzjonali, l-Indja għadha ma weġbitx għall-allegazzjonijiet li saru mill-awtoritajiet Ċiniżi.
Fl-aħħar xhur ir-relazzjoni bejn l-Indja u ċ-Ċina ddgħajjfet wara nuqqas ta’ qbil dwar żvilupp propost miċ-Ċina qrib il-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi.
Fl-1962, iċ-Ċina u l-Indja kienu ġġieldu gwerra iebsa, gwerra li l-konsegwenzi tagħha għadom jinħassu sal-lum.