Drone fuq l-ajruport ta’ Heathrow; jingħalaq u jerġa’ jinfetaħ

Facebook: Heathrow Airport

L-Ajruport ta’ Heathrow fl-Ingliterra ssopenda t-titjiriet wara li deher drone fuq ir-runway. Skont l-aħħar kitba fuq il-profil tal-ajruport fuq Twitter jidher li l-inċident qed jiġi investigat mill-Pulizija.

Iktar kmieni matul il-jum l-Ajruport ta’ Heathrow waqqaf it-tijiriet minħabba li raw drone fiż-żona. Fuq Twitter ġie spjegat li huma kienu qed jaħdmu mal-Pulizija biex jiġi żgurat li jwaqqfu kwalunkwe theddida għall-operat tal-ajruport.

Kelliem għal Air Malta kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li ma kien l-ebda titjira skedata għal Heathrow fil-ħin li seħħ l-inċident filwaqt li titjira oħra lejn l-ajruport ma ġietx affettwata bis-sospenzjoni tat-tluq mill-Ingilterra. Il-kelliem saħaq li s-sitwazzjoni qed tiġi osservata mill-viċin u f’każ ta’ tibdiliet huma se jkunu qed jinfurmaw lill-klijenti.

Dan kien it-tieni inċident li fih twaqqfu titjiriet minħabba d-drones dan wara li f’Diċembru twaqqfu titjiriet minn u lejn Gatwick wara li ttajjru żewġ drones fuq l-airfield.