Aġġornata: Jinżammu arrestati dawk li ħbew id-droga fil-frott

Illum tressqu l-Qorti ż-żewġ Sqallin u Malti li ġew arrestati wara li nqabdu jippruvaw jittraffikaw il-kannabis moħbija qalb il-bettieħ u d-dulliegħ, u se jinżammu arrestati.

L-irġiel dehru quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea Sciberras.

L-Isqalli ta’ 41 sena, li hu minn Sirakuża imma joqgħod f’Birżebbuġa, xehed mhux ħati, iżda ma talabx għall-ħelsien mill-arrest.

It-tieni Sqalli, bejjiegħ tal-frott minn Francoforte, li għandu 30 sena, ġie arrestat hu u jħott id-dulliegħ f’garaxx f’Ħal Luqa. Il-Qorti ffriżatlu l-assi, u ma talabx għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Malti ta’ 28 sena minn San Ġwann inżamm arrestat fuq akkużi ta’ traffikar tad-droga u talli ħeġġeġ lil persuni oħrajn biex jagħmlu l-att kriminali, kif ukoll talli kellu arma mhux liċenzjata.

Il-Qorti ħadet kontroll tal-fondi u l-propjetà tal-ħati. Huwa wkoll xehed mhux ħati iżda ma talabx għall-ħelsien mill-arrest.

Id-drogi nstabu ġo żewġ vannijiet separati li kienu qegħdin jittrasportaw il-frott minn Sqallija lejn Malta.

It-tliet irġiel inqabdu l-Ħamis filgħaxija, b’100kg kannabis ħaxixa u 100kg oħra kannabis resin. Vann minnhom inqabad f’Ħal Luqa, u l-ieħor inqabad f’Ta’ Qali.