Droga fil-ħalib tal-omm toqtol tarbija ta’ 11-il xahar

F’Pennsylvania, prosekuturi qed jargumentaw li Samantha Jones, li għandha 30 sena, qatlet lil binha ta’ 11-il xahar għax sqietu l-ħalib minn tagħha waqt li kienet qed tuża xi droga u mediċini.

Skont l-ilment kriminali, it-tifel miet wara li inġesta taħlita ta’ droga fatali mill-ħalib tal-omm u għalhekk hi qed tiġi akkużata b’omiċidju.

L-avukat ta’ Jones sostna li hi kienet tħobb lit-tifel imħabba kbira, u l-intenzjoni tagħha qatt ma kienet li tweġġgħu. Skont l-affidavit, Jones semgħet lit-tifel jibki għall-ħabta tat-3am fit-2 ta’ April. L-omm kienet bdiet tagħti lit-tifel il-ħalib tat-trab, imma f’dan il-każ kienet għajjiena wisq u ddeċidiet li ttiħ ħalib minn tagħha minflok.

Jones tiftakar li kienet għajjiena u hi u tisqi lit-tarbija bdiet tgħonos. L-għada r-raġel tagħha, Vincent McGovern, għamlilha flixkun ħalib għat-tifel qabel ma mar ix-xogħol u hi reġgħet sqiet lit-tifel fis-6.30am qabel ma reġgħet marret torqod.

Fl-avvidavit jingħad kif Jones qamet siegħa wara u twaħħxet meta rat lil binha abjad karti u b’likwidu ħiereġ minn imnieħru. Dak il-ħin Jones u ommha ċemplu 911 u bdew is-CPR fuq it-tarbija. Aktar tard hu ttieħed l-isptar, imma ġie ċċertifikat mejjet fit-8.30am.

Skont il-Pulizija, l-awtopsja żvelat traċċi ta’ methadone, amphetamine, u methamphetamine fid-demm tat-tifel li kollha kkontribwixxew għall-mewt tiegħu. Skont l-affidavit, Jones kienet qed tieħu l-methadone mill-bidu tat-tqala minħabba il-vizzju fuq pinnoli tal-opioid li jtaffu l-uġieħ, imma semmiet l-ebda xi tip ta’ mediċina jew droga oħra. Madanakollu, testijiet fuq l-aħħar flixkin tal-ħalib u t-trab tal-ħalib ma sabu l-ebda traċċa tad-drogi imsemmija.

Il-każ se jkompli jinstema quddiem il-Qorti fit-28 ta’ Settembru.