​Dro bejn Sliema u Ferencvaros fl-Europa League

Sliema Wanderers u l-Ungeriżi ta’ Ferencvaros qasmu punt kull wieħed fi dro ta’ 1-1, fl-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Europa League.
Il-kowċ Slimiż Alfonso Greco żanżan lil Filippo Andrea Scozzese, Marko Potezica u Michael Mifsud mal-ewwel ħdax.
Fl-14-il minuta, ir-referì Arnold Hunter ordna l-penalti wara li Attila Busai waqa’ lil Scozzese fil-kaxxa.
Mill-11-il metru, Michael Mifsud falla bil-ballun li spiċċa barra.
Sitt minuti wara, l-Ungeriżi kellhom cans tajjeb li jiftħu l-iskor meta Attila Busai ġie quddiem il-gowlkiper Slimiż Glenn Zammit, b’dan tal-aħħar li tefa’ l-ballun f’korner.
Fil-21 minuta, Sliema Wanderers fetħu l-iskor meta b’xutt fil-baxx fil-kaxxa, Stanley Ohawuchi għeleb għal kollox lil gowlkiper ta’ Ferencvaros Dibusz.
Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima Paltemio Barbetti minn frikik ra l-ballun li għadda minn fuq il-lasta.
Fit-tieni taqsima, l-gowlkiper Slimiż wettaq żewġ salvataġġi tajbin.
Fis-70 minuta, cans għal Michael Mifsud li dar mal-gowlkiper u x-xutt finali tiegħu ġie salvat f’korner b’daqqa ta’ ras ta’ Ramajo.
Fis-76 minuta, l-Ungeriżi ġabu d-dro.
Frikik minn fuq il-lemin ta’ Kukuruzovic, il-gowlkiper Slimiż ma żammx il-ballun li laqat il-mimduda u mill-viċin Michal Nalepa tefa’ l-ballun fix-xibka.
L-aħħar ċansijiet għal Sliema Wanderers waslu fit-82 minuta minn daqqa ta’ ras ta’ Stefano Biancardi u fis-87 minuta Scozzese laqat il-lasta.