“Drive-in ċinema fuq art ODZ ma jistax jiġi ġustifikat” – Moviment Graffitti

Drive-in cinema zvilupp

Read in English.

Moviment Graffitti qed topponi “bil-qawwa” il-pjanijiet għal drive-in cinema fuq art ODZ f’Wied il-Għajn. L-għaqda qed tgħid li l-pjanijiet ma jstgħux jiġu ġġustifikati u lanqas għandhom biss jiġu kkunsidrati.

L-applikazzjoni tipproponi li titneħħa l-ħamrija mill-art biex tagħmel post għal madwar 56 spazju għall-karozzi, kif ukoll għal skrin ta’ 16:8 metri. Fi stqarrija, Moviment Graffitti kompliet tgħid li teħid ta’ art ODZ ta’ dan il-kobor qatt ma jista’ jiġi ġġustifikat, aktar u aktar meta wieħed iqis li s-sit propost għall-iżvilupp jinsab ukoll qrib ħafna t-Torri Mamo u l-Knisja ta’ San Gejtanu. “Drive-in cinema fil-viċinanza ta’ dawn iż-żewġ binjiet ta’ valur storiku se jeqred il-karattru storiku tagħhom u jhedded il-preservazzjoni tal-kuntest storiku tagħhom”, qalet l-għaqda.

Żvilupp bħal dan se jwassal għal aktar degradazzjoni ambjentali, erożjoni u degradazzjoni tal-ħamrija, tniġġis mill-istorbju u mid-dawl, kif ukoll ir-riskju li jippreżenta fil-konfront tal-binjiet storiċi fiż-żona. Barra minn hekk, drive-in cinema se jiġġenera fluss aktar qawwi ta’ traffiku, b’żieda fl-emissjonijiet tal-karozzi u storbju, li se jiddisturbaw l-ambjent naturali u l-ħabitats tal-madwar u kompletament jittrasformaw il-karattru rurali taż-żona.

L-applikazzjoni qajmet ukoll tħassib dwar r iċ-ċans li jekk tiġi approvata jinħoloq preċedent li jwassal għal aktar żvilupp kummerċjali ta’ art verġni fiż-żona.

L-applikazzjoni rċeviet ’il fuq minn 500 oġġezzjoni fi ftit jiem. Il-pubbliku jista’ joġġezzjona kontra l-iżvilupp sal-1 ta’ Frar.