Drittijiet lis-sex workers; mhux legalizzazzjoni tal-briedel – Rosianne Cutajar

Read in English.

Is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar qalet li hi titkellem ma’ ħafna ‘sex workers’ li ma jinteressahomx li joħorġu mill-prostituzzjoni iżda jridu li jkollhom id-drittijiet tagħhom u ma jiġux sfruttati. Meta kienet qed titkellem fil-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali, Cutajar qalet li dawn il-persuni jibagħtulha ħafna messaġġi u mhumiex interessati f’exit programmes. Hi qalet li l-Gvern m’għandux intenzjoni li jillegalizza l-briedel iżda jrid jagħti d-drittijiet lil dawn il-persuni.

“Liema hu l-ġid komuni, is-97% vittmi tal-prostituzzjoni jew it-3% hawnhekk imsejħa sex workers?” – Dr Anna Vella

Min-naħa tagħha, Dr Anna Vella, li ilha snin tagħmel xogħol volontarju ma’ Dar Hosea, qalet li mill-esperjenza tagħha huma biss bejn 1% u 3% li jridu jagħmlu dan ix-xogħol u mhumiex imġiegħla jagħmlu dan ix-xogħol mill-Pimps tagħhom. Hi qalet li jekk Il-prostituzzjoni tiġi llegalizzata, il-Gvern ikun qed jgħaddi l-messaġġ mal-Pimps, li issa xegħlitilhom il-bozza l-ħadra biex jorganizzaw ruħhom. Hi qalet  li s-sex workers ma jistax ikollhom drittijiet minħabba li jekk tiġi legalizzata l-prostituzzjoni, min imur ma’ prostituta jkun qed jixtri l-ġisem tal-mara u “allura xi drittijiet għandha l-mara meta qed tbigħ ġisimha?”
Hija qalet li l-pajjiż irid jilleġiżla f’isem il-ġid komuni. “Liema hu l-ġid komuni, is-97% vittmi tal-prostituzzjoni jew it-3% hawnhekk imsejħa sex workers?” staqsiet Dr Vella.

Il-legalizzazzjoni tal-prostituzzjoni tpoġġi s-sex workers f’pożizzjoni iktar vulnerabbli – Ruth Baldacchino

Ruth Baldacchino, attivista dwar in-nisa u l-komunità LGBTIQ qalet li ma taqbilx mal-legalizzazzjoni tal-prostituzzjoni għaliex fejn seħħ dan jiġifieri l-Ġermanja u l-Olanda, is-sex workers ma ġewx protetti, tant li fil-Ġermanja 40% biss ta’ dawn ‘il-ħaddiema’ li jirreġistraw mal-awtoritajiet. Hi qalet li d-dekriminalizazzjoni tar-reati fil-prostituzzjoni poġġiet lill-prostituti iktar vulnerabbli peress li jekk qabel kienu jaħdmu flimkien u allura jipproteġu lil xulxin, bid-dekriminalizzazzjoni, il-prostituti jispiċċaw jaħdmu weħidhom u bla ebda protezzjoni.

Bħalma jmutu nies fil-prostituzzjoni daqstant imutu fil-qasam tal-kostruzzjoni – GWU
Rappreżentant tal-GWU qal li kull diskussjoni fuq il-prostituzzjoni trid titneżża’ minn kull emozzjoni li jista’ jġib is-suġġett għax bħalma jmutu nies fil-prostituzzjoni daqstant imutu nies fil-qasam tal-kostruzzjoni. Hawn intervjena d-deputat Nazzjonalista Herman Schiavone li qal li din l-istqarrija kienet insult lejn in-nisa kollha vittmi li mietu fil-prostituzzjoni.

Għadd ta’ NGOs avżaw lill-Prim Ministru li meta wieħed jiddekriminalizza l-prostituzzjoni mingħajr ma jikkriminalizza lix-xerrej, dan jiftaħ il-bibien għat-traffikar bir-riskju li Malta tinbidel f’post magħruf għat-turiżmu tas-sess.