Drammatizzazzjoni televiżiva tan-novella Sodda No. 18

L-aħħar episodju fis-sensiela Storja ta’ Storja li se jixxandar illejla fis-7.15pm fuq TVM jlaqqagħna mal-kittieb Malti-Palestinjan Walid Nabhan, rebbieħ tal-Premju Letterarju Ewropew għall-ktieb L-Eżodu taċ-Ċikonji (Klabb Kotba Maltin, 2013). Il-programm tal-lejla jinkludi drammatizzazzjoni tan-novella Sodda No. 18 mill-ktieb Lura d-Dar u ġrajjiet oħra li ma ġrawx (Klabb Kotba Maltin, 2009).

Storja ta’ Storja hija serje televiżiva ta’ dokudrama li tħares lejn il-ħajja u x-xogħol ta’ tmien awturi rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Il-kittieba l-oħra li jidhru f’dis-sensiela huma Loranne Vella, Alfred Sant, Clare Azzopardi, Immanuel Mifsud, Alex Vella Gera, Lou Drofenik, u Maria Grech Ganado.

Storja ta’ Storja hija produzzjoni tal-kumpanija awdjoviżiva Sajjetta, imtellgħa bis-sapport tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.