Drammatizzazzjoni ta’ Silġ fuq Kemmuna ta’ Dr Alfred Sant

Mil-lejla fis-7.15pm, TVM se jibda jxandar serje ġdida ta’ tmien programmi bi produzzjoni ta’ Sajjetta li ġiet ikkummissjonata mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Is-sensiela se tkun qed tiċċelebra tmien awturi, li se jiġu dramattizzati xi xogħlijiet tagħhom.

L-awturi li se jkunu qed jiffurmaw parti minn din is-sensiela huma Alex Vella Gera, Clare Azzopardi, Dr Alfred Sant, Maria Grech Ganado, Immanuel Mifsud, Loranne Vella, Walid Nabhan u Lou Drofenik. 

L-ewwel episodju se jlaqqagħna ma’ Alfred Sant, u se jkun jinkludi wkoll drammatizzazzjoni ta’ silta mir-rumanz tiegħu ‘Silġ fuq Kemmuna’ (PEG, 2005).

Storja ta’ Storja hija xogħol il-KNK wara li fl-2019 ħareġ sejħa għall-produzzjoni televiżiva ta’ dokudrama bil-għan li nippromwovu l-letteratura Maltija. Il-kumpanija Sajjetta ngħatat €80,000 għall-proġett, u s-sensiela ġiet diretta minn Charlie Cauchi u Martin Bonnici b’test għall-iskrin ta’ Teodor Reljić.

Kull episodju mis-sensiela jittella’ fuq il-Youtube tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ladarba jkun ixxandar fuq TVM.

Ir-repetizzjoni se tixxandar il-Ħamis fit-8.15pm fuq TVM2.