Dramm tal-Passjoni miż-żgħażagħ f’Tas-Sliema

Għat-tielet sena konsekuttiva l-grupp tal-Abbatini mill-Parroċċa tal-Madonna tas-Sacro Cuor f’Tas-Sliema, flimkien ma’ sħabhom, se jerġgħu  jtellgħu pageant għaż-żmien il-Ġimgha Imqaddsa.

‘Mal-Passi tal-Passjoni’  se tittella’ nhar is-Sibt 13 t’April fit-toroq ta’ madwar il-Knisja tas-Sacro Cuor u se tagħti l-opportunità lill-udjenza biex tgħix l-aħħar mumenti minn ħajjet u l-qawmien mill-mewt ta’ Ġesu’.

Ma’ Newsbook.com.mt Kyle Portelli, wieħed mill-awturi tal-pageant, qal li l-preparamenti għal din il-produzzjoni laħqu l-milja tagħhom tul dawn l-aħħar xahrejn, fejn l-atturi li l-età tagħhom tvarja minn ħames snin sa 35 sena, kienu qed jippreparaw biex tinżamm it-tradizzjoni annwali f’Tas-Sliema li saret imfittxija minn ħafna nies minn lokalitajiet differenti.

Din il-produzzjoni qed tittella’ b’kitba ta’ David Chetcuti Dimech u Kyle Portelli megħjjunin minn Hayden Pesci, taħt id-direzzjoni ta’ Robert Pulis bl-għajnuna tas-Sur Tony Terribile, bil-parteċipazzjoni tas-Salesian Brigade u bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali Tas-Sliema u l-Kummissjoni Festi. F’każ ta’ maltemp ir-rapreżentazzjoni titgħella ġewwa l-knisja.