Dramm klassiku ta’ Dylan Thomas dalwaqt f’Malta

Produzzjoni ta’ Under Milk Wood, tal-poeta u kittieb leġġendarju Dylan Thomas minn kumpanija Ingliża fil-Belt Valletta f'Ottubru.

Nora Summers

Read in English.

Under Milk Wood, id-dramm klassiku tal-poeta u drammaturgu magħruf minn Wales, Dylan Thomas, dalwaqt se jittella’ f’Malta mill-kumpanija Ingliża bl-isem ta’ Moonlight Theatre.

Ibbażat f’belt fittizja mal-kosta ta’ Wales, Under Milk Wood jirrakkonta l-istorja tat-taħlita mżewqa ta’ nies, kemxejn strambi u eċċentriċi, li jgħixu f’din il-belt.

Din il-kumpanija teatrali, li ddur minn post għal ieħor madwar id-dinja, innotat ix-xebh bejn Wales u Malta bħala żewġ pajjiżi żgħar, u dehrilha li l-Belt Valletta tkun il-post ideali biex tippreżenta dan l-ispettaklu.

“It-temi ta’ Under Milk Wood – li hu bbażat f’belt żgħira ħdejn il-baħar u b’karattri kemxejn strambi – rajniehom relevanti ħafna għall-Belt Valletta u għal bosta komunitajiet oħra f’Malta,” qalet Ainslie Freeman, waħda mill-atturi prinċipali tad-dramm. “Id-dramm jivvjaġġa sew ħafna, fis-sens li jista’ jiġi apprezzat f’pajjiżi differenti: fih il-kummiedja, fih daqsxejn traġedja, u għandu lingwaġġ sabiħ u liriku.”

L-ewwel darba li kien ittella’ dan id-dramm f’New York fl-1953, Dylan Thomas kien sejjaħlu ‘dramm għall-vuċijiet’. Iżda Under Milk Wood jinħadem sew mhux biss fuq ir-radju imma anke fuq il-palk, u maż-żmien ittellgħu verżjonijiet memorabbli tiegħu anke għat-televiżjoni u għaċ-ċinema. L-attur rinomat minn Wales Richard Burton kien iddeskrivieh bħala ‘kapolavur tal-kummiedja’, u l-kapriċċi tad-daħq u gustużi tad-diversi karattri ta’ dan id-dramm jinħassu f’waqthom illum daqs kemm kienu kważi 70 sena ilu.

Intant, il-kumpanija minn Wales Moonlight Theatre hi armata sew biex tippreżenta dan id-dramm komiku tant maħbub. Twaqqfet fl-1998, u fil-bidu kienet ittella’ produzzjonijiet ta’ mużika teatrali fil-miftuħ, f’Wales, fejn saret avveniment fiss fil-kalendarju tax-xena teatrali lokali għal deċennju sħiħ. Permezz tal-mużika live, f’din il-produzzjoni se tkun qiegħda tkompli fuq dik it-tradizzjoni. Dan l-aħħar, f’Londra, Moonlight ippreżentat b’suċċess kbir il-premiere professjonali tal-addattament għall-palk ta’ ‘The Iron Woman’, tal-poet laureate mibki Ted Hughes.

Ħafna mill-11-il attur tal-kast itineranti ta’ Under Milk Wood huma minn Cardiff jew Swansea – il-post fejn trabba Dylan Thomas – filwaqt li d-direttur, John Rhys Thomas, huwa eks chairman tad-Dylan Thomas Society. Huwa diġà rċieva tifħir mill-kritiċi għall-produzzjonijiet tad-dramm li saru f’New York, Harvard u l-Kanada.

Il-produzzjoni mill-Moonlight Theatre ta’ Under Milk Wood ta’ Dylan Thomas se tittella’ fil-Valletta Campus Theatre (eks MITP), il-Belt Valletta, fis-17, 18, 19 u 20 ta’ Ottubru 2019, u l-wirjiet kollha jibdew fis-7.30pm. Il-biljetti jibdew minn €10 u jistgħu jinxtraw online minn www.ticketline.com.mt.