Brian Ferris, Lino Grech, Inez Farrugia, Peter Borg u Tomy Cassar Darien huma l-protagonisti tad-drama televiżiva Il-Ħarba ta’ Julian li kienet inħadmet fl-1996 u li se tkun qed terġa’ tixxandar illejla fuq TVM fl-8.45pm.
Hija l-istorja ta’ mara li tisfa’ armla u tkun tarbbi weħidha lil binha Julian. Ir-raġel ġdid tagħha, Peter, ma jibqax bħal ma kien u jsir vjolenti. Il-ġlied bejn il-koppja jsir regolari hekk kif dan Peter dejjem jippretendi li jibqa’ ma jaħdimx u li martu toqgħod ittih il-flus biex imur jilgħabhom. Waqt argument vjolenti bejniethom it-tifel jipprova jiddefendi lil ommu billi jfajjar daqqa ta’ taġen lir-raġel ta’ ommu.
Biex tkompli tgħaxxaqha aktar Julian jinqabad jipprova jisraq u meta l-Pulizija tieħdu d-dar ta’ ommu, Peter ma jżommx lura milli jfajjar akkużi fuq it-tfajjel, li kaġun ta’ hekk jispiċċa f’istitut.
Julian jaħrab minn hawn u jibda jiġġerra fit-toroq, u jagħmel ħbieb ma’ anzjan, Remigio.
Intant Peter jidher li lil Julian mhu se jaħfirilu qatt.
Din il-produzzjoni f’episodju wieħed biss kellha kitba u direzzjoni ta’ Tony Parnis għal Junction Productions.