“Drajna ngħixu mingħajr Alla” – l-Isqof Grech

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech sostna li huma bosta li m’għadhomx imxennqin għal Alla u ma jħossux il-baħħ tiegħu. Spjega li llum il-ġurnata drajna ngħixu daqs li kieku Alla mhux hemm.

Dan qalu waqt l-omelija fil-Katidral ta’ Għawdex, ilbieraħ, għas-Solennità tal-Assunta. L-Isqof qal li Santa Marija “tagħmlilna l-qalb għaliex hija ‘oħtna’ li rreżistiet għal dawk l-elementi li għandhom qawwa li teqred u tagħmilna trab”.

Irrimarka li kull min qiegħed fid-dinja, f’xi punt jew ieħor ta’ ħajtu għadda minn xi ħaġa li wasslet għat-tmermir f’ħajtu. Semma bosta ċirkostanzi, jew persuni li żbaljaw u ma jistgħux jaħfru lilhom infushom jew jitolbu maħfra, hawn min qed jara ħajtu tiġġarraf minħabba l-mard, min iħossu mifluġ bil-piż taż-żwieġ u tal-familja u min iħossu waħdu u mitluq anke mill-aktar persuni li ħaseb li kienu jħobbuh.

L-Isqof sostna li “Santa Marija hija xhieda mill-aqwa li l-bniedem kapaċi jwaqqaf dan il-proċess ta’ tmermir.” Spjega li għax emmnet fi Kristu, rebħet lill-mewt.

Waqt l-omelija l-Isqof Grech spjega li t-tħassir fil-ħajja mhux ġejja mill-kriżi ekonomika jew għax Alla abbanduna lill-bniedem. Hu spjega li “l-għerq ta’ kollox huwa li aħna ġejna naqgħu u nqumu mill-fatt li Alla ngħata l-ġenb.” Irrimarka li din hija kriżi morali u spiritwali, u li qed twassal lil bosta għall-indifferenza. “Spiċċalna l-gost li nfittxu r-raġuni għaliex qegħdin ngħixu,” kompla jgħid.

L-Isqof Grech insista li għal dawk li jemmnu, il-verità mhix formuli jew asserzjonijiet imma hija Ġesù Kristu, li hu stess qal “Jien it-triq, il-verità u l-ħajja” (Ġw 14:6). Insista li huwa min ġarrab xi tfisser l-imħabba, il-ħniena, l-għożża u l-għajnuna ta’ Ġesù li jkun kapaċi jħobb, iħenn, jaħfer u jgħin.

Aqra’ l-omelija sħiħa minn hawn: Omelija tal-Isqof t’Għawdex fis-Solennità tat-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija