“Ġustizzja mhux biżżejjed; għandu jitkompla l-legat ta’ Daphne”

Patricia Moreira minn Transparency International saħqet li apparti li jkun hemm investigazzjoni sħiħa u dawk li huma responsabbli jkunu mressqa u ssir ġustizzja, huwa importanti li l-legat tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia jitkompla f’Malta, u li l-korruzzjoni u l-impunità jinqerdu. 
Moreira kienet qed titkellem waqt velja organizzata quddiem Dar Malta f’Londra.
Rebecca Vincent, id-direttriċi ta’ Reporters Without Borders fir-Renju Unit qalet li nġabru biex juru lill-awtoritajiet Maltin u l-komunità internazzjonali li l-ġurnalista mhux se tkun minsija u li mhux se jiefqu sakemm dawk li ppjanaw u wettqu l-attakk jidhru quddiem il-ġustizzja. 
Hi saħqet li nġabru biex juru appoġġ għall-prinċipju tal-libertà tal-istampa u li kull attakk fuq ġurnalisti huwa attakk fuq il-ġurnaliżmu nnifsu. 
Mill-għaqda ARTICLE 19 tkellmet Katie Morris li sostniet li l-korruzzjoni li kixfet Caruana Galizia taffettwa lil kulħadd fl-Ewropa. 
Saħqet li l-ġustizzja tirrikjedi li mhux biss jeħlu l-ħabs dawk li huma ħatja tal-assassinju tagħha iżda għandu jkun żgurat li l-proċess tal-investigazzjoni jkun pubbliku kemm f’Malta kif ukoll fl-Ewropa. 
Temmet tgħid li l-mexxejja Ewropej għandhom jaqblu biex jassiguraw li ma jkunx hemm impunità f’dal-każ għax jekk ma jagħmlux hekk huma qed jibagħtu l-messaġġ li dawk li jiefqu lill-korruzzjoni jistgħu jiġu msikkta. Elisabeth Witchel mill-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti qalet li qabel ma jinstabu u jitressqu l-qattiela ta’ Caruana Galizia, il-ġurnalisti f’Malta jkomplu jaħdmu fil-biża’.
Irrimarkat li l-Gvern tar-Renju Unit għandu jagħmel dak kollu jista’ biex b’hekk il-każ jieħu l-attenzjoni li għandu bżonn bħal każijiet oħra tal-qtil ta’ ġurnalisti madwar id-dinja, fejn il-ġustizzja mhix miċħuda. 
Hannah Machlin, il-maniġer tal-Mapping Freedom Project għal Index on Censorship saħqet li l-assassinju ta’ Caruana Galizia inforza klima ġdida ta’ biża’ u inċertazza għall-ġurnalisti li qed thedded il-futur tal-libertà tal-kelma f’Malta. 
Tkelmet ukoll Antonia Byatt mill-English PEN. 
L-entitajiet li ħadu sehem f’dil-velja kienu Reporters without Borders, ARTICLE 19, il-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti, English PEN, Index on Censorship, PEN International, u Transparency International.
Waqt il-velja huma qraw ukoll diskors mibgħut mill-familja Caruana Galizia u żammew weraq tar-rand f’idhom. 

"Huwa biss fid-demokrazija li l-ftit għandhom dritt jipprotestaw anki meta ma jaqblux mal-maġġoranza.”
Il-blogger u ġurnalista Manwel Delia qal li f'tirannija jistgħu joħorġu ħafna nies daħkana u jxejru fit-toroq, iżda huwa biss f’demokrazija li l-minorità tkun tista toħroġ fit-toroq b’messaġġ differenti. 
"Huwa biss fid-demokrazija li l-ftit għandhom dritt jipprotestaw anki meta ma jaqblux mal-maġġoranza.”
Hekk qal fid-diskors tiegħu waqt velja organizzata quddiem il-mafkar tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Il-velja saret biex timmarka 3 xhur mill-assassinju. Dan wara li bil-lejl tweħħlu strixxuni ma’ Malta, kif ukoll l-Occupy Justice libbsu l-flokkijiet lill-monumenti promenti madwar Malta
Delia indirizza ukoll li dawk id-diversi nies li qed ‘jheddu’ li jnaddfu l-mafkar. 
Saħaq li jekk jaqa’ l-mafkar, in-nies li lbieraħ kienu preżenti se jerġgħu jkunu hemm biex jibnuh mill-ġdid hekk kif il-mafkar sar simbolu tal-kawża għall-ġustizzja. 
Waqt il-velja tkellem ukoll Michael Briguglio għan-Netwerk tas-Soċjeta Ċivili.