Filmat: Illimitaw l-għadd ta’ nies li tiltaqgħu magħhom – Dr Tanya Melillo

Read in English.

Hekk kif l-għadd ta’ każi tal-imxija dinjija tal-Covid-19 baqgħu sostanzjali, il-konsulent tas-saħħa pubblika Dr Tanya Melillo appellat sabiex kemm jista’ jkun, kulħadd jillimita l-għadd ta’ nies li jiltaqgħu magħhom.

Hi qalet dan waqt li kienet intervistata mill-Editur ta’ Newsbook.com.mt Sylvana Debono waqt program speċjali dwar l-iżviluppi tal-coronavirus fil-pajjiż. Melillo spjegat li filwaqt li fl-aħħar ġimgħat il-pajjiż esperjenza firxa tal-virus qalb iż-żgħażagħ, issa qed tkun esperjenzata wkoll firxa tal-virus qalb persuni ta’ età aktar avvanzata. “Minkejja li ma tantx qed joħorġu xorta qed taqbadhom,” qalet Melillo. Spjegat li r-raġuni wara din hija għax forsi jiltaqgħu ma’ membri tal-familja li jkunu ltaqgħu ma’ persuni oħrajn u forsi jkunu carriers tal-marda.

Dr Melillo insistiet li l-coronavirus għadha problema reali u kurrenti. Insistiet li jekk dak li jkun ma jagħtix kas, iċ-ċans hu li se jispiċċa jimrad hu wkoll.

Spjegat kif filwaqt li l-anzjani li hemm fir-residenzi lokali qed ikunu protetti billi ħadd mhu qed jitħalla jidħol ħdejhom ħlief il-carers u l-infermiera, l-anzjani li għadhom jgħixu fid-djar tagħhom iridu jżommu mal-miżuri. Insistiet li l-anzjani jridu jilbsu l-maskra l-ħin kollu meta joħorġu mid-dar, anke fi triqithom lejn il-ħwienet. Appellat ukoll biex jillimitaw kemm idumu barra jitkellmu man-nies u jaraw li jżommu d-distanza ta’ żewġ metri.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn