Read in English.
Il-konsulenta tas-Saħħa Pubblika Dr Tanya Melillo qalet li hemm nies li mhux qed iżommu mal-pariri li qed joħorġu l-awtoritajiet tas-saħħa.
Melillo qalet dan fuq Newsbook Q&A ppreżentat minn Sylvana Debono. Saħqet li għadha qed tara nies li ma jżommux distanza minn xulxin, nies imissu ma’ xulxin fil-kjus, u oħrajn li ma jkunux lebsin il-maskra sew.
Spjegat li wara l-ħasil tal-idejn, il-miżura l-aktar importanti hi li wieħed iżomm distanza ta’ żewġ metri minn nies oħra.
Fi kliem Melillo l-parir tal-awtoritajiet biex l-anzjani jibqgħu d-dar tagħhom għadu japplika. Però qalet ukoll li jistgħu jmorru passiġġata żgħira waħedhom f’post fejn ma jkunx hemm nies.
Mistoqsija dwar il-hand sanitisers, Melillo qalet li l-importanti huwa li jkollu xi tip ta’ diżinfettant li joqtol il-mikrobu. Mhux l-isem tal-prodott li jgħodd imma l-ingredjenti li fih.
Spjegat li m’hemmx evidenza li tfal li jkollhom il-coronavirus se jkollhom il-Kawasaki Disease. Qalet li s’issa ma ġiex diskuss jekk it-tfal hux se jkollhom jilbsu maskra meta jerġgħu jidħlu l-iskola.
Min ikollu xi sintomi ta’ mard importanti li jmur għand tabib jew l-istpar minkejja l-pandemija tal-coronavirus.
Dr Melillo qalet ukoll li idealment ma jidħlux aktar minn tnejn min-nies f’lift. Wara li wieħed imiss xi buttuna għandu jaħsel idejh.
It-tabiba temmet tgħid li l-ilbies tal-maskri japplika wkoll għal dawk il-persuni li jidħlu f’uffiċċju għal xi tip ta’ servizz.
Mistoqsijiet għall-programmi li ġejjin jistgħu jintbagħtu fuq ask@newsbook.com.mt
Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn.