Aġġornata (Reazzjoni Toni Abela): Dr Simon Busuttil jgħid x’fih l-allegat rekording ta’ Dr Toni Abela

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Dr Simon Busuttil qara dak li allegatament fih rekording tad-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Toni Abela, waqt li qal li kien se jagħmel pressjoni fuq il-Pulizija biex ma jitressqux akkużi kontrih u kontra persuna oħra.

Richard Vella minn Ħ’Attard, li kien jieħu ħsieb bar tal-Partit Laburista fl-istess lokalità, huwa akkużat li kien involut fi ġlieda kontra l-kunsillier Laburista John Bonnici.

Vella qal li sentejn ilu Dr Abela bagħatlu ittra biex jinfurmah li ma setax jidħol aktar fil-bar u li ma kienx għadu membru tal-kumitat. Meta numru ta’ persuni marru għand Dr Abela sabiex jitkellmu f’isem Richard Vella, id-Deputat Mexxej qal li kien prova jikkonvinċi lill-Pulizija ma jieħdux passi. Dan id-diskors ta’ Dr Abela kien irrekordjat.

Fl-awdjo tistgħu tisimgħu dak li Dr Simon Busuttil qal li fih ir-rekording.

Intant f’konferenza stampa msejħa b’urġenza, Dr Toni Abela ċaħad għal darb’oħra li pprova jinfluwezna lill-Pulizija. Qal li kliemu ttieħed barra mill-kuntenst li fih intqal. Insista li huwa pprova biss jispjega lill-Pulizija li kienet kwistjoni ċivili u mhux kriminali, bħal ma jagħmlu dejjem l-avukati.

Id-Deputat Mexxej Laburista Dr Toni Abela qal li l-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista se tkun ibbażata fuq l-assassinju tal-karattru, u mhux x’inhu fl-interess nazzjonali.

Dr Abela qal li l-Partit Laburista se jkompli jmexxi ‘l quddiem kampanja pożittiva minkejja li hemm ħafna affarijiet li wieħed jista’ jitkellem dwarhom dwar esponenti tal-Partit Nazzjonalista.

Qal li r-recording ittieħed barra mill-kuntest, għaliex il-kwistjoni kienet ma’ barman tal-Kumitat Lokali f’Ħ’Attard. Dr Abela saħaq li huwa responsabbli miċ-Ċentri Lokali tal-Partit Laburista kif ukoll tal-koordinament tal-kumitat u l-fergħat tal-Partit Laburista.