Dr Muscat konvint li l-livell ta’ deficit se jinżel għal taħt it-3%

Il-Prim Ministru Joseph Muscat jinsab konvint li l-pajjiż qed juri sinjali pożittivi u li l-livell ta’ defecit għal Malta se jinżel għal taħt it-3%.

Dr Joseph Muscat qal dan waqt laqgħa li kellu l-bieraħ filgħaxija mal-FORUM Unions Maltin. Dr Muscat saħaq li sa mill-bidu tas-sajf, sar xogħol qawwi fuq il-qasam tat-turiżmu u l-ewwel statistika tindika l-akbar moviment ta’ turisti fl-istorja ta’ Malta.

Dr Muscat qal li t-tkabbir ekonomiku huwa kruċjali biex il-Gvern jagħti sostenn finanzjarju fejn hemm bżonn. Fost oħrajn fil-ġlieda kontra x-xogħol prekarju.

Il-Prim Ministru qal li l-budget għas-sena d-dieħla se jippreżenta l-ewwel parti tal-programm tal-Gvern għall-qasam tax-xogħol. L-għan huwa li aktar nies, speċjalment in-nisa, jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Semma wkoll il-qasam tas-saħħa u l-bżonn li tissaħħaħ is-sistema tal-mediċini filwaqt li tenna l-impenn politiku li s-servizz jibqa’ jingħata b’xejn għal kulħadd. Qal li se tkun ta’ priorità li ma jiżdiedux il-piżijiet li ġejjin mill-Gvern stess.