Dr Muscat jitkellem dwar il-każ tad-drogi fil-każin ta’ Ħal Safi u jgħid li żbalja

Il-Mexxej tal-Partit Laburista Dr Joseph Muscat ammetta li żbalja meta ma rrappurtax każ ta’ drogi fil-każin Laburista ta’ Ħal Safi fl-2009, filwaqt li qal li hu qatt ma gideb lill-ġurnalisti. Dr Muscat stqarr ukoll li kieku Dr Abela kien kandidat fl-elezzjoni ġenerali u rtira l-kandidatura tiegħu, kien jaċċettaha. Dr Muscat talab għar-riżenja tal-Ministru Tonio Fenech għax fl-opinjoni tiegħu kiser il-kodiċi ta’ etika meta aċċetta rigal mill-mara ta’ ħu l-proklamat George Farrugia.

Dr Muscat qal dan f’intervista lill-gazzetta ‘The Sunday Times’ dwar il-kontroversja li ġiet żvelata minn reġistrazzjoni fuq tejp fejn id-Deputat Kap tal-Partit Laburista Dr Toni Abela jinstema’ jitkellem ma xi membri tal-kumitat tal-każin ta’ Ħ’Attard.

Dr Muscat iddefenda l-azzjonijiet ta’ Dr Abela li fi kliemu kienu azzjonijiet ġenwini filwaqt li qabeż għalih f’ każ partikolari fejn Dr Abela innifsu kellu joħodha kontra l-ex deputat Laburista Lorry Sant.

Muscat kompla jiżvela li sar jaf bil-każ ta’ Ħal Safi minn ittri miktuba mill-barman li safa mkeċċi minn Dr Abela, wara li Dr Abela innifsu kien infurmat bil-każ. Muscat saħaq li fl-isfond ta’ dan il-każ huwa bi ħsiebu ibiddel il-każini minn barijiet għal ċentri għal familji.