Dr Muscat jgħid li l-wegħdiet tiegħu huma inqas imma aktar kredibbli

Waqt li tkellem fuq stazzjon tar-radju tal-Partit Laburista, Dr Joseph Muscat qal li l-Partit tiegħu qed jipproponi proposti li huma realistiċi.

Dr Muscat qal li l-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista fih wegħdiet li diġa’ jidher li mhux se jitwettqu. Fl-istess waqt qal li dak li ma sarx f’40 sena ma jistax isir spirtu pront minn Gvern ġdid. Madanakollu, Partit Laburista se jaħdem immedjatament fuq ċertu oqsma.

Dr Muscat iddeskriva l-manifest tal-PL bħala wieħed ‘costed’. Qal li d-Deputat Mexxej Louis Grech se jkun qed jara li dak li jipproponi l-PL jitwettaq fil-ħin u skont il-baġit. Qal li Partit Laburista hu magħmul minn tim ta’ nies ta’ esperjenza, kif ukoll nies ġodda fil-politika.

Tkellem dwar il-bżonn li jitkattar ix-xogħol u li titnaqqas il-burokrazija għal min ikun jixtieq jiftaħ negozju. Wiegħed tnaqqis ta’ 25% fil-proċeduri għal min jixtieq jibda’ negozju ġdid. Għal dan il-għan se jinħatar Kummissarju li se jdur il-proċeduri kollha tal-entitajiet tal-Gvern u jnaqqas il-burokrazija. Dr Muscat qal li għal kull regolament ġdid tan-negozji, se jitneħħa regolament qadim. Qal li f’Għawdex hemm ‘emerġenza ta’ xogħol’.

Il-Mexxej Labursita appella biex il-pubbliku jivvota kmieni minħabba piżijiet amministrattivi, u jivvota lill-kandidati kollha tal-Partit Laburista.