Dr Mark Chetcuti jinħatar Prim Imħallef

Read in English.

Dr Mark Chetcuti llum ħa l-ġurament tal-ħatra bħala Prim Imħallef, minflok il-Prim Imħallef Emeritu Dr Joseph Azzopardi.

Iċ-ċerimonja tal-ħatra saret fil-Palazz ta’ San Anton fil-preżenza tal-President George Vella, tal-Prim Ministru Robert Abela u tal-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis. Kien hemm preżenti wkoll il-Prim Imħallef Emeritu u l-Avukat tal-Istat Victoria Buttigieg.

Din il-ħatra saret wara li l-Parlament approva b’mod unanimu l-ħatra tiegħu.

Fid-diskors qasir tiegħu, il-President Vella qal li Dr Chetcuti se jkun mistenni juri integrità massima, kif dejjem għamel bħala mħallef, u jwettaq fil-prattika indipendenza assoluta mill-eżekuttiv. Awgura li taħt it-tmexxija ta’ Chetcuti, il-Qrati jsiru iktar effiċjenti fit-twettiq tal-ġustizzja, biex b’hekk il-poplu jkompli jsaħħaħ il-fiduċja fil-qrati.

Il-President Vella rrimarka li l-ħatra ta’ Dr Chetcuti saret riżultat ta’ qbil unanimu fil-Parlament u attribwixxa dan għall-maturità politika li ssawret minn diskussjonijiet li saru fi ħdan il-Kummissjoni għar-Riforma Kostituzzjonali, xprunati minn rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa u mis-soċjetà ċivili.

Il-President temm id-diskors tiegħu billi awgura li fil-mument opportun għandu jsir it-tibdil fil-Kostituzzjoni biex jirrifletti l-mod ġdid kif isiru l-ħatriet fil-ġudikatura.

Repubblika b’ittra lill-Ministru għall-Ġustizzja

Intant, l-għaqda Repubblika lbieraħ kellha laqgħa mal-Ministru għall-Ġustizzja dwar il-ħatriet tal-ġudikatura. F’ittra li bagħtet lill-Ministru, Repubblika qalet li mil-laqgħa fehmet li l-Gvern qed jimpenja ruħu:

  • għal riforma fil-mod kif jintgħażlu jew jiġu promossi l-ġudikanti skont il-pariri tal-Kummissjoni Venezja
  • għal konsultazzjoni effettiva u parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tar-riforma
  • u għal konsultazzjoni formali u strutturata mal-Kummissjoni Venezja

Tista’ taqra l-ittra sħiħa hawn: