Dr Marilyn Casha nnominata għall-Premju taċ-Ċittadin Ewropew

Read in English.

Il-professjonista tas-saħħa Dr Marilyn Casha ġiet innominata għall-Premju taċ-Ċittadin Ewropew f’isem il-frontliners f’Malta minn Peter Agius. Hi mart il-Professur Aaron Casha li miet propju kawża tal-coronavirus.

Fi stqarrija Agius qal li l-eroj ta’ dawn iż-żminijiet huma dawk il-care workers li ilhom ġimgħat sħaħ fi djar residenzjali mal-anzjani, l-ispiżjara li ħadu l-virus waqt il-qadi ta’ dmirijiethom u il-mijiet ta’ infermiera u tobba li ħallew djarhom biex jgħinu fil-ġlieda kontra l-pandemija.

Fin-nomina tiegħu, Peter Agius qal li mijiet ta’ professjonisti huma rrappreżentati minn Dr Marilyn Casha li ntlaqtet bil-COVID-19 u tilfet lill-għażiż raġel tagħha, il-Professur mediku distint Aaron Casha, li huwa kirurgu wkoll, minħabba l-coronavirus.

“Il-professjonisti tal-kura tas-saħħa li qed jaħdmu fuq diversi linji tal-ġlieda kontra l-COVID-19, l-infermiera u t-tobba tal-kura primarja u dik intensiva, il-maniġers tas-saħħa pubblika u l-ħaddiema li jaħdmu qagħtih biex jittraċċaw il-kuntatti, u l-ħaddiema li jindukraw fi djar residenzjali u l-ispiżjara, li bis-saħħa tal-impenn u l-perseveranza tagħhom, huma l-espressjoni tal-valuri tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, b’mod partikolari l-valuri universali tad-dinjità u s-solidarjetà tal-bniedem”, huwa sostna.

Il-Premju taċ-Ċittadin Ewropew, li ngħata l-ewwel darba fl-2008, jirrikonoxxi proġetti u inizjattivi li jippromovu l-valuri tal-Unjoni Ewropea, il-fehim reċiproku u l-iffaċilitar tal-kooperazzjoni transfruntiera. Fid-dawl taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet huma mħeġġa jinnominaw proġetti li kienu strumentali fil-ġlieda kontra l-coronavirus.

Għall-ewwel darba din is-sena ċ-ċittadini jistgħu jitfgħu n-nomini tagħhom direttament għall-Premju taċ-Ċittadin Ewropew. Il-Premju ngħata lil bosta kawżi distinti fis-soċjetà Maltija. Rebbieħa ta’ snin preċedenti jinkludu lil Chris Delicata (Federazzjoni Internazzjonali tad-Diabete – Reġjun Ewropew), Rev. Victor Grech, Puttinu Cares, Hospice Malta, Richmond Foundation, Dar il-Kaptan, Għaqda Każini tal-Banda u Bjorn Formosa.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn