Dr Joseph Muscat jitlob spjegazzjoni dwar l-iżviluppi fil-każ tax-xiri taż-żejt

F’intervista fuq l-istazzjon tat-televiżjoni tal-Partit Laburista il-Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li l-aħħar imejls żvelati b’rabta mal-iskandlu tax-xiri taż-żejt iqajjmu mistoqsijiet kbar u l-Prim Ministru u l-Ministru Austin Gatt għandhom jagħtu l-spjegazzjonijiet tagħhom.

Dr Muscat qal li jifhem li l-Prim Ministru kellu iktar tagħrif minnu biex jasal għal din id-deċiżjoni, iżda saħaq li hemm bżonn spjegazzjoni ċara dwar l-aħħar imejls żvelati minn gazzetta lokali bl-ingliż. Kien hawn li Dr Muscat qal li għandha tingħata spjegazzjoni kif uffiċjal ta’ Trafigura staqsa kif marret laqgħa mal-Ministru.

Dr Muscat għamel referenza wkoll lejn imejl fejn George Farrugia qal lil Tancred Tabone eks Chairman ta’ l-Enemalta li ried jiltaqa’ miegħu biex jistaqsih kif marret il-laqgħa li kellu ma’ A.G. Muscat qal li mhux se jispekula min hu l-A.G. fil-kwistjoni, iżda żied li l-Prim Ministru u l-Ministru Austin Gatt għandhom joffru spjegazzjoni.

Dr Muscat saħaq fuq l-importanza ta’ Malta fl-irwol tal-Presidenza ta’ l-Unjoni Ewropa fl-ewwel sitt xhur ta’ l-2017. Il-Mexxej Laburista sostna li din il-kandidatura ser issarraf fir-reputazzjoni tal-pajjiż ma’ l-Unjoni Ewropea. Huma sitt xhur importanti fejn Malta trid tiffoka ukoll fuq l-aġenda ta’ l-Unjoni Ewropea. Kien hawnhekk li Dr Muscat talab l-id ta’ hbieberija min-naha tal-partit fl-opposizzjoni, kemm –il darba l-Partit Laburista jingħata l-fiduċja biex jigverna.

Dr Muscat spjega kif il-Maltin qed iħossu l-bżonn ta’ bidla nazzjonali fuq kuntest storiku bħal ma’ l-Maltin ħassew il-bżonn ta’ l-indipendenza fl-1964 u l-ħtieġa li nissieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-2004.