Read in English.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, kif ukoll in-Network tas-Saħħa f’Malta, qegħdin jappellaw lill-Gvern biex ibiddel id-deċiżjoni tiegħu fuq Dr Kenneth Grech, u jerġa’ jaħtru konsulent tas-saħħa pubblika.
Ilbieraħ l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) ikkundannat it-tneħħija ta’ Dr Grech minn konsulent fuq is-saħħa pubblika wara li dan ta parir li tinżamm kawtela u l-iskejjel jibqgħu magħluqin nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa li għadda. L-MUT kellha strajk ta’ jumejn għall-għalliema meta l-Ministeru tal-Edukazzjoni ma ħax dan il-parir.
Imbagħad ilbieraħ tħabbar li Dr Grech kien tneħħa mill-pożizzjoni tiegħu. Il-Ministeru tas-Saħħa ċaħad dan u qal li Dr Grech ingħata trasferiment sabiex jiffoka ħidmietu fuq il-fondi tal-Unjoni Ewropea. Il-Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa t-tnejn ċaħdu li Dr Grech tkeċċa jew inbidillu l-irwol b’rabta mal-istrajk tal-għalliema.
Din il-kwistjoni wasslet biex dalgħodu l-MAM ħabbret tilwima industrijali.
“Il-PM lest jaffaċċja azzjoni industrijali mit-tobba, imbasta jwebbes rasu” – Il-Kap tal-Oppożizzjoni
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li dan l-aġir huwa turija oħra li l-Prim Ministru qed jindaħal fi kwistjonijiet ta’ saħħa pubblika. Huwa appellalu biex iħalli lill-esperti jiddeċiedu.
“F’nofs pandemija, il-Prim Ministru ma ddejjaq xejn jitlef riżorsa tant importanti f’mument daqstant sensittiv, l-aqwa li ma jmerih ħadd fin-narrattiva tiegħu li f’pajjiżna kollox huwa business as usual. F’mument daqsekk sensittiv, l-Prim Ministru lest jiffaċċja azzjoni industrijali mit-tobba, l-aqwa li jibqa’ jwebbes rasu u ma jħallix lill-professjonisti jiddeċiedu.”
Fi kliem Dr Grech, bl-aġir irresponsabbli tiegħu il-Prim Ministru qed jipperikola s-saħħa pubblika, u lest li jinjora l-parir professjonali li kellu minn tim ta’ esperti u jipperikola saħħet l-istudenti, l-għalliema, l-istaff li jaħdmu fl-iskejjel u l-ġenituri.
“Dr Grech tneħħa minn postu” – appell mit-tobba biex il-Ministru jerġa’ jikkunsidra
In-Network tas-Saħħa f’Malta (MHN) kitbet lill-Ministru Chris Fearne biex jerġa’ jikkunsidra t-tneħħija ta’ Dr Kenneth Grech minn konsulent tas-saħħa pubblika. F’ittra mibgħuta lill-Ministru, iċ-Chairperson Dr Gertrude Buttigieg insistiet li Dr Grech tneħħa minn postu u ma ġie impjegat ħadd minfloku.
In-Network enfasizza fuq kif il-mexxejja Maltin għandhom iżommu f’moħħhom is-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin bħala prijorità. “Irridu l-assigurazzjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa li t-teħid tad-deċiżjonijiet se jkun trasparenti u bbażat fuq evidenza provduta mill-professjonisti tas-saħħa pubblika fl-interess tal-pazjenti u ċ-ċittadini.”
Żied jgħid li huma m’għandhomx moħħhom mistrieħ bit-tneħħija ta’ kordinatur ewlieni u għalhekk qed jappellaw lill-Ministeru biex jerġa’ jikkunsidra din id-deċiżjoni.
In-Network tas-Saħħa jirrappreżenta lil 40 organizzazzjoni tas-saħħa, u għalhekk, jirrappreżenta lil aktar minn 12,000 familja.
“Ma kellux għaliex jiġi penalizzat” – MEA
L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) esprimiet is-solidarjetà tagħha mal-konsulent Dr Kenneth Grech, u qalet li diffiċli xi ħadd ikun konvint li t-trasferiment mhux relatat mal-parir li ta għal kawtela fil-ftuħ tal-iskejjel.
Sostniet li jekk Dr Grech kien qed jgħid dan fil-kapaċità tiegħu bħala konsulent tas-saħħa pubblika, huwa kellu dritt, kif ukoll dover, li jipprovdi dan il-parir biex itaffi l-impatt tal-pandemija, u m’hemmx raġuni għaliex kellu jiġi penalizzat ta’ dan.
L-assoċjazzjoni ssoktat tgħid li l-awtoritajiet tas-saħħa jridu jkunu kompletament imparzjali għal kull influwenza esterna li taf tinterferixxi mal-ġudizzju tagħhom, u dan ikun iż-żmien żbaljat li jibda jiġi ddubitat it-tim ta’ kontra l-Covid-19 li ħadem tajjeb tant mill-bidu tal-pandemija s’issa.
Il-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa turi s-solidarjetà ma’ Dr Grech
Il-Fakultà għax-Xjenzi tas-Saħħa wriet is-solidarjetà tagħha ma’ Dr Grech, li huwa wieħed mill-akkademiċi parti mill-Fakultà.
Il-Fakultà saħqet li l-professjonisti tas-saħħa għandhom ikunu liberi li jesprimu l-fehmiet tagħhom, ġaladarba dak li jgħidu jkun ibbażat fuq evidenza preċiża. Meta jagħtu l-parir tagħhom m’għandhomx jibżgħu minn xi riperkussjonijiet, temmet tgħid il-Fakultà.
Il-UĦM tikkundanna li Dr Grech tneħħa għax “kien hemm min mhux kuntent” b’li qal
Il-UĦM – Voice of the Workers ukoll uriet is-solidarjetà tagħha mal-Konsulent ta’ Saħħa Pubblika Dr Kenneth Grech u d-dispjaċir tagħha li huwa ġie trasferit wara li ta analiżi professjonali bbażata fuq ix-xjenza. “Dan seħħ mhux għax il-konsulent kien żbaljat imma għax hemm min mhux kuntent b’tali analiżi.”
Saħqet li manuvri bħal dawn ma jawgurawx tajjeb għall-paċi industrijali għaliex din l-attitudni twassal sabiex kull ħaddiem jew professjonist li jokkupa kariga pubblika jista’ jisfa’ mhedded jekk jesprimi opinjoni li mhux bilfors tingħoġob.
Il-UĦM talbet li Dr Kenneth Grech jingħata postu lura.