Dr Grech lura fil-kariga la jtemm ix-xogħol li ngħata mill-Gvern

Il-MAM ittemm it-tilwima meta jseħħ dan

Read in English.

Il-Gvern qabel mal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) li Dr Kenneth Grech jerġa’ jingħata l-kariga ta’ konsulent fuq il-pandemija ladarba jtemm il-biċċa xogħol li qed jaħdem fuqha bħalissa ta’ fondi. Malli jseħħ dan, il-MAM qablet li tissospendi t-tilwima industrijali.

Dr Martin Balzan, il-President tal-MAM, spjega lil Newsbook.com.mt li t-tilwima industrijali għadha fis-seħħ, imma tiġi sospiża meta Dr Grech jerġa’ jibda xogħlu fuq il-pandemija u b’hekk il-Gvern ikun żamm il-patt tiegħu mat-tobba. Għalkemm it-tilwima għadha fis-seħħ, il-protesti u d-direttivi ġew sospiżi.

Dan kollu beda meta Dr Grech irrakkomanda lill-Ministeru tal-Edukazzjoni ġimgħa ilu li l-iskejjel ma jiftħux il-Ħamis u l-Ġimgħa, minħabba l-għadd kbir ta’ każijiet li reġgħu tfaċċaw f’Malta. Il-Ministeru ma tax widen għal dan il-parir, u dan wassal biex l-MUT tordna strajk ta’ jumejn għall-għalliema.

It-Tnejn, imbagħad, il-MAM żvelat li Dr Grech kien ingħata trasferiment talli ta dan il-parir, u hi sejħet tilwima industrijali. Wara din l-azzjoni, kienu bosta l-unjins u l-entitajiet li appellaw biex Dr Grech jerġa’ jingħata l-kariga li kellu.

Min-naħa tiegħu, il-Gvern ċaħad li din kienet ir-raġuni għat-trasferiment u spjega li Dr Grech kien intalab jaħdem fuq xi fondi minflok jibqa’ jaħdem fuq il-pandemija. Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne wkoll ċaħdu dan.

F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt, Dr Balzan sejjaħ dan il-ftehim wieħed “raġonevoli” u “aċċettabbli.” Qal li ma ngħatax indikazzjoni mill-Gvern meta se tkun id-data li Dr Grech jimxi minn fuq il-biċċa xogħol li hu inkarigat biha bħalissa lura għal fuq il-pandemija, iżda l-ftehim huwa li eżattament malli jkun lest, jerġa’ lura fit-tim tas-saħħa pubblika li qed jaħdem fuq l-imxija.

Dr Balzan żied jgħid li l-Gvern baqa’ jinsisti li Dr Grech ingħata dik il-biċċa xogħol tant kemm il-Gvern għandu fiduċja fih.

Issa l-MAM se tibqa’ timmoniterja s-sitwazzjoni sabiex tara li l-Gvern verament iżomm kelmtu.