‘Il-qorti l-ġdida ta’ Għawdex mhux se titlesta f’din il-leġiżlatura’ – Chris Said

Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said qal li se jkun impossibbli li l-qorti l-ġdida ta’ Għawdex tkun lesta sa tmiem din il-leġiżlatura.
Huwa qal dan waqt it-tkomplija tad-dibattitu parlamentari dwar att li se jwassal biex numru ta’ kompetenzi tal-qrati f’Malta jkunu disponibbli anki f’Għawdex.
Dr Said innota li minkejja li qorti ġdida f’Għawdex kienet wegħda elettorali tal-Partit Laburista u minkejja li l-proġett issemma f’diversi diskorsi tal-baġit, sa llum għadu biss ħareġ tender għall-parkeġġ li se jkun parti minn dan il-proġett. Sostna li dan ifisser li se jkun impossibbli li l-proġett jitlesta sa tmiem il-leġiżlatura, u wera l-possibiltà li lanqas il-bini m’hu se jkun leħaq beda jittella’.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li l-Oppożizzjoni taqbel li l-qrati f’Għawdex għandhom jiċċaqalqu mis-sit preżenti minħabba l-limitazzjonijiet ta’ spazju u ta’ aċċessibiltà li għandu dan is-sit. Fakkar li l-proġett kien inbeda mill-amministrazzjoni preċedenti. F’dan ir-rigward qal li s-sit mhux aċċessibbli għall-anzjani u persuni b’diżabiltà hekk kif rampa li kellha ssir bħala parti mill-proġett taċ-Ċittadella baqgħet ma saritx. Lanqas il-lift imwiegħed ma’ ġie installat. Barra minn hekk, kompla jgħid, il-problema ta’ parkeġġ fl-inħawi kompliet tikber u llum, l-uniku parkeġġ fil-viċin hu wieħed privat.
Tenna n-nuqqas ta’ qbil mal-post li ntgħażel, Misraħ l-Assedju ta’ Għawdex, li se jnaqqas spazju miftuħ mir-Rabat. Saħaq li kien hemm diversi postijiet oħra li setgħu jintużaw.