Dr Buttigieg tirreżenja mill-kariga ta’ Avukat tal-Istat mil-lum biex tilħaq AĠ – Il-President

Il-President ta’ Malta ħabbar kif ilbieraħ irċieva ittra mingħand Dr Victoria Buttigieg li għarrfitu li se tkun qed tirreżenja mill-kariga tagħha bħala Avukat tal-Istat b’effett immedjat mil-lum stess.

Fi stqarrija, il-President spjega li hi għarrfitu li mil-lum, 9 ta’ Settembru, se tkun qed tassumi r-responsabbiltajiet ta’ Avukat Ġenerali.

L-aħbar ħarġet fil-pubbliku lbieraħ waranofsinhar u l-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar din il-ħatra kemm fuq Twitter kif ukoll fuq Facebook. Dr Victoria Buttigieg intgħażlet bħala l-Avukat Ġenerali l-ġdid ta’ Malta wara li l-Avukat Ġenerali preċedenti, Dr Peter Grech, temm mill-kariga li okkupa għal dawn l-aħħar għaxar snin.

Din hija l-ewwel darba li qed jinħatar Avukat Ġenerali ġdid wara s-separazzjoni tal-istess uffiċċju lura f’Diċembru li għadda, meta Dr Buttigieg kienet intgħażlet bħala l-ewwel Avukat tal-Istat ta’ Malta.

L-Avukat Ġenerali l-ġdid qed jinħatar wara sejħa pubblika u ntgħażel minn Kummissjoni ta’ Ħatra indipendenti komposta minn tliet imħallfin irtirati. Il-Prim Ministru Robert Abela rċieva r-rakkomandazzjoni mill-istess Kummissjoni u filwaqt li ġiet aċċettata, il-Prim Ministru informa lill-President ta’ Malta biex issir il-ħatra.

Dr Buttigieg se tħalli l-kariga tagħha bħala Avukat tal-Istat, kariga li ilha tokkua minn Diċembru li għadda, biex issir l-ewwel Avukat Ġenerali mara f’Malta.

Min hi Victoria Buttigieg?

Dr Victoria Buttigieg, li għandha 43 sena, gradwat fil-Liġi mill-Università ta’ Malta fl-2001. Hi kompliet l-istudji tagħha fejn reġgħet gradwat bil-Masters fis-Servizzi Finanzjarji.

Fl-2007, bdiet taħdem mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, fejn wara li kisbet l-esperjenza neċessarja, inħatret bħala Assistent Avukat Ġenerali. Ħadmet f’għadd ta’ oqsma differenti fil-litigazzjoni, fosthom iċ-ċivil, l-amministrattiv, u l-liġi kostituzzjonali, u anke rrappreżentat lill-Gvern f’għadd ta’ laqgħat u kumitati internazzjonali. Ikkontribwiet ukoll għal diversi proġetti ta’ riformi fil-liġi.

Lura fis-6 ta’ Diċembru tal-2019, Dr Buttigieg iħatret bħala l-ewwel Avukat tal-Istat. Dan l-irwol ġdid ġie maħluq bis-saħħa tal-Att XXV tal-2019. Din il-liġi ġiet approvata f’Lulju tal-2019. Din il-liġi tipprovdi għal separazzjoni sħiħa bejn il-funzjonijiet duppliċi li kellu l-Avukat Ġenerali.

L-Avukat Ġenerali bis-saħħa ta’ din ir-riforma se jibqa’ jżomm ir-responsabbilitajiet ta’ prosekuzzjoni u materji kriminali li tipprovdi għalihom il-Kostituzzjoni u liġijiet oħrajn fil-kamp kriminali. L-Avukat tal-Istat imbagħad huwa responsabbli għall-funzjonijiet kollha ta’ pariri lill-gvern u rappreżentanza legali fl-oqsma tal-liġi kostituzzjonali, ċivili u amministrattiva li sal-lum huma eżerċitati mill-Avukat Ġenerali.