Dr Briguglio jitkellem dwar il-leġittimità taż-żewġ partiti l-kbar

Waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet ġo Pjazza Sant’Anna f’tas-Sliema, iċ-Ċerpersin tal-AD Dr Michael Briguglio jgħid li s-sistema ta’ żewġ partiti fil-pajjiż qed tiffaċċja kriżi ta’ leġittimità minħabba l-attakk kontinwu bejniethom dwar il-korruzzjoni. Huwa għalhekk li fi kliem Dr Briguglio għandu jispiċċa ż-żmien tal-ħatriet partiġġjani fil-karigi ewlenin.

Dr Briguglio kompla jgħid li l-Alternattiva Demokratika qeda tagħmel proposti ċari dwar ħatriet trasparenti u meritokratiċi tal-postijiet ewlenin fis-settur pubbliku, u kienet konsistenti fil-proponiment tagħha dwar leġiżlazzjoni tal-finanzjament tal-partiti u il-Whistleblower Act. Dr Briguglio tenna li b’2000 vot f’distrett se tkun fil-Parlament. Dr Briguglio stqarr li l-istorja se sseħħ meta l-partit li jħaddan jipproponi leġiżlazzjoni biex twaqqaf is-soffokazzjoni tas-soċjetà mis-sistema taż-żewġ partiti.