Dqiq, ross u ħalib għall-Filippini mill-Maltin

Read in English.

Donazzjonijiet minn Malta qed jippermettu lil eluf ta’ persuni f’Bataan ikollhom xi ħaġa x’jieklu ta’ kuljum. Bataan hija provinċja fil-Filippini. Fr Joe Cremona MSSP qal dan fl-okkażjoni tat-tħejjijiet għall-maratona OĦLOQ TBISSIMA ta’ din is-sena.

Kull ġimgħa Fr Joe iqassam ħampers bi prodotti essenzjali tal-ikel bħal ross, żejt, dqiq, ħalib, zokkor, u xi bottijiet tal-ikel ppriservat. Dan seta’ jagħmlu permezz ta’ donazzjonijiet minn Malta miġbura s-sena li għaddiet miċ-Ċentru Animazzjoni Missjunarja tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl.

Fi kliem Fr Joe, f’dawn l-aħħar xhur ħafna familji intlaqtu minn kriżi ekonomika minħabba l-impatt tal-COVID-19 li wassal biex ħafna persuni jispiċċaw bla xogħol u għalhekk, qed isibuha diffiċli biex imantnu lill-familja tagħhom.

Fondi miġbura waqt il-maratona OĦLOQ TBISSIMA jintużaw b’risq il-ħtiġijiet fil-missjonijiet differenti li s-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl għandha madwar id-dinja, f’uħud mill-ifqar reġjuni tal-pajjiżi fejn qegħdin jaħdmu. 

Mistoqsi dwar kif jirnexxielu jaħdem f-ambjent iebes fejn daqqa’ tonqos ħaġa u daqqa oħra u fejn ta’ kuljum familji fil-bżonn imorru jħabbtu fuq il-bieb tad-dar tiegħu, u dan b’riżorsi limitati, Fr Joe spjega li “aħna nemmnu li l-Providenza ma tonqosx!” 

Din is-sena OĦLOQ TBISSIMA se tittella’ bejn is-17 u d-19 ta’ Lulju. Wieħed jista’ jagħmel il-kontribuzzjoni tiegħu min issa billi jċempel fuq: 51002031 għal donazzjoni ta’ €20 jew 51902080 għal donazzjoni ta ‘ €50 jew SMS fuq 50619285 għal donazzjoni ta’ €11.65.

Wieħed jista’ wkoll jagħmel id-donazzjoni tiegħu mill-website www.ohloqtbissima.com.