Doża ta’ satira kuljum mill-ġimgħa d-dieħla fuq it-TV

Ritratt: Olwyn Jo Saliba

Issa li għadda s-sajf nerġgħu nibdew ninġabru quddiem it-televiżjoni hekk kif minn nhar it-Tnejn 30 ta’ Settembru, l-istazzjonijiet lokali jniedu l-iskedi tagħhom għall-ħarifa.

Fost il-ħafna programmi li se jkollna minn fejn nagħżlu hemm wieħed kompletament ġdid li se tkunu tistgħu tibdew issegwu kuljum għall-ħabta tas-7.40pm fuq TVM, b’ripetizzjoni l-għadafis-07.10am u f’12.05pm.

Il-Kumitat hu programm li joffri doża ta’ satira kuljum fil-kumpanija ta’ Luke Dalli, Amber Bondin u Ronald Briffa.

Il-kumitat huwa grupp ta’ nies li jiltaqgħu biex jiddiskutu temi li s-soltu ftit jazzardaw jiddiskutu fuq it-televiżjoni.

Mistoqsi dwar min se jkun fil-mira ta’ dan il-kumitat, Luke Dalli wieġeb “Tista’ tkun int, nista nkun jien. Ħadd m’għandu xi privileġġ speċjali mill-Kumitat. Kulħadd għandu joqgħod attent għax inkella xi darba se tiekolha wkoll!”

Kull programm li jixxandar kuljum għandu sfidi enormi.

“Il-kumitat ftit aktar għaliex mhux talli kuljum, però kuljum b’xi ħaġa ġdida, interessanti u niggieża li se żżomm it- telespettaturi ankrati mas sufan. Lestu ruħkom!” żied jgħid Dalli.

Luke, Amber u Ron huma l-Viċi Presidenti ta’ dan il-kumitat.

“Kollha fuq l-istess livell iżda kollha bi rwoli differenti. Għajnejna fuq kulħadd,” ikkummentat Amber.

“Jekk nikxfu kollox issa nitilfu parti mill-gost tal-programm. Allura l-aħjar huwa li ssegwuna kuljum qabel l-aħbarijiet tat-8pm fuq TVM. U ftakru waħda, lil dan Il-Kumitat ma’ jaħrablu xejn!” qabeż jgħid Ron.