“Doro ostaġġ bejn sema u ilma; kienu jitfu s-sigaretti fuq sidru”

Bħalissa Doro jinsab ostaġġ bejn sema u ilma ‘il barra minn Sirakuża fi Sqallija, jittama li xi pajjiż Ewropew ikollu ħniena minnu u joffrilu port ta’ sigurtà. Doro ra ħafna matul ħajtu fejn saħansitra ġie ttorturat u fost it-torturi anke kienu jitfu s-sigaretti fuq sidru.

L-istorja ta’ Doro u anke ritratti tiegħu ġew ippubblikati fuq il-paġna ta’ Sea-Watch minn voluntier bl-isem ta’ Brendan Woodhouse. Woodhouse iddeskriva lil Doro bħala bniedem umli, ġeneruż u qalbu tajba. Irrakkonta kif Doro sofra għall-ħolm tiegħu aktar milli wieħed jista’ jimmaġina, u sostna li din l-istorja turi biċ-ċar għaliex l-ebda persuna ma għandha tiġi rritornata l-Libja.

Filmat: Is-Sea-Watch jitħalla jankra viċin Sirakuża

Fil-Libja, lil Doro kienu jsejjħulu Mo. Hu jitkellem seba’ lingwi, inkluż il-Franċiż, l-Ingliż u l-Għarbi. Woodhouse sostna li dan saħansitra jaħsel il-platti hu ħalli dawk li salvawh mill-għarqa u qegħdin hemm miegħu, f’nofs ta’ baħar, ma jkollhomx għaliex jagħmluhom huma.

Meta Doro jisma’ l-frażi “ibagħthom lura pajjiżhom”, jgħid lill-persuni li salvawh sabiex ma jikkritikawhomx għax dawn qatt ma jistgħu jimmaġinaw is-sofferenza tal-persuni li bħalu qed jaħarbu minn pajjiżhom.

“Kien ittorturat mingħajr ħniena”

Doro fil-Libja kien ittorturat mingħajr ħniena. Skont Woodhouse, Doro kien jiġi mdendel minn idejh u kienu anke jaqtawlu wiċċu. Fl-istess waqt kienu jċemplu lil ommu permezz ta’ filmat u jitolbuha l-flus sabiex jeħlisuh. It-tortura fuqu kienet repetuta għal ħafna drabi u tawh daqqa ta’ arma tan-nar li ħallietu għami minn għajn waħda. Kien qala’ daqqa ta’ sikkina fl-istonku u msawwat repetutament, b’bosta marki tal-ġrieħi li sofra minnhom għadhom viżibbli.

Woodhouse kompla jgħid li ħallewh imut bil-ġuħ, serqulu ġidu kollu, serqu ġid il-ġenituri tiegħu li spiċċaw bigħu darhom sabiex jinħeles. Imbagħad minflok inħeles, ġie mibjugħ bħala skjav. Hu kien diġà pprova jaħrab għal darb’oħra, iżda kien inqabad mill-Gwardja tal-Kosta Libjana u reġa’ ġie mibjugħ bħala skjav għal darboħra.

Woodhouse temm jgħid, kif illum jinsab ostaġġ mod ieħor, bejn sema u ilma, mill-awtoritajiet Taljani li qed jirrifjutaw li port ta’ sigurtà. Intant qal li jittama li l-Ewropa tilqa’ lil Doro u dawk li hemm miegħu.

This is Doro and he is beautiful. Believe me when I say it, he is beautiful. His inner strength is completely humbling…

Posted by Sea-Watch on Tuesday, January 29, 2019