Doreen Galea tagħlaq 73 sena

Awguri lill-kantanta Doreen Galea li llum qed tiċċelebra għeluq it-73 sena tagħha. Twieldet bħal-lum fl-1947. Hija miżżewwġa lil Sammy Galea u hija omm tlett subien, Dominic, Benedict u Manolito li żammew mat-tradizzjoni tal-familja u huma wkoll midħla tax-xena mużikali.

Dan għax mhux biss Doreen (nèe Zammit) u Sammy huma ikoni fix-xena mużikali Maltija iżda Doreen ukoll ġejja minn familja mużikali, sa minn żmien in-nannu tagħha

Hija kienet il-kbira fost tmien aħwa u bdiet tkanta mal-band tal-Professur Giorlando Valente meta kien għad kellha 12-il sena.

Apparti li hija kantanta, Doreen hija wkoll awtriċi u kitbet il-lirika għall-kanzunetta Malta li kienet fost il-finalisti fil-Malta Song Contest tal-1967. Din il-kanzunetta ġiet interpretata minn għadd ta’ kantanti magħrufa iżda l-ewwel waħda li kienet kantat din il-kanzunetta Ċensina Zammit, oħt Doreen, li hija wkoll in-nanna tal-kantanti Thea Saliba u Daniel Testa.

Wara kienet kitbet bosta kanzunetti oħra.

Matul is-snin ħadet sehem f’musicals bil-Malti fosthom Ulied in-Nanna Venut fl-Amerika, It-Tfajla tal-Palazz, L-Għarusa tal-Mosta, Rita ta’ Cassia, u Balzunetta Towers.

Balzunetta Towers

Waslet Balzunetta Towers! Min jaf x'se jigri?? Ejjew u araw. Mhux se tkunu ddiżapuntati! #valletta2018 #ecoc Malta International Arts Festival #balzunettatowers #unionjackIxtru l-biljetti llum minn www.balzunettatowers.com

Posted by Valletta 2018 – European Capital of Culture on Wednesday, June 21, 2017

Ħadet sehem f’numri kbir ta’ festivals barra minn Malta fosthom fir-Renju Unit, l-Italja, is-Slovakkja, l-Awstralja u l-Bulgarija.

Fl-2009 kienet ħarġet ukoll l-album Ommi b’kompożizzjonijiet ta’ binha Dominic ta’ wħud mill-aktar poeżiji magħrufa fil-letteratura Maltija. Tat il-kontribuzzjonijiet tagħha fuq albums simili oħra ta’ poeżiji muzikati. Dawn kienu permezz tal-album Għanja dedikat lil Dun Karm Psaila u li nħareġ fl-2011, kif ukoll l-album Nirien li nħareġ fl-2012 u li kien dedikat lil Karmenu Vassallo.

Doreen ħarġet ukoll numru kbir ta’ kantanti li llum il-ġurnata huma stabbiliti fix-xena mużikali.

Awguri Doreen!