Doqtha l-birra l-ġdida ta’ Farsons?

Il-Birrerija Farsons nediet birra ċelebrattiva ġdida, il-Farsons Gold Label Pale Ale, biex tfakkar id-90 sena ta’ birra f’Malta. Il-birra Gold Label qed tikkommemora t-tnedija tal-ewwel birra ta’ Farsons, il-Farsons Pale Ale, fl-1928.
Din l-aktar birra riċenti fl-għażla tal-Birer Klassiċi ta’ Farsons, il-Gold Label Pale Ale, hija magħmula minn żewġ tipi ta’ xgħir tal-Pale Ale, b’lewn dehbi fl-aħmar, u b’kontenut alkoħoliku ta’ 4.7%. Il-birra hi ffermentata bi ħmira tal-ogħla kwalità, li tintuża wkoll fil-produzzjoni ta’ birer oħra b’reputazzjoni għolja.
Is-Sur Eugenio Caruana, il-Head Brewertal-Birrerija Farsons, spjega li, “Sar sforz kbir biex tintgħażel taħlita speċjali ta’ ħames tipi differenti ta’ hops, li flimkien jagħtu lill-birra l-karatteristika u l-profil uniku tagħha. 
“B’differenza għal dak li jiġri f’ħafna birer oħra, il-Gold Label Pale Ale tiżdidlha l-hops darbtejn matul proċess li jieħu bejn 4 u 5 ġimgħat, l-ewwel fil-brewhouseu aktar tard fit-tank tal-fermentazzjoni fl-istadju tal-maturazzjoni li fih jiżdieduhops b’aroma speċjali biex il-birra jkollha togħma u aroma distinti. Dan il-proċess bit-tieni żieda ta’ hops, fl-industrija tal-birer hu magħruf bħala Dry Hopping.”
Il-prodott aħħari huwa kombinazzjoni innovattiva ta’ hops u karatteristiċi esklużivi tal-frott, ewlenin fosthom, aromi ta’ berquq, passion fruit u frott irqiq aħmar, flimkien ma’ ħjiel ta’ tronġ.