​Doppjetta ta’ Bonnici tagħti punt drammatiku lil Qormi

Gowl drammatiku skorjat tliet minuti wara l-ħin regolamentari ta punt lil Qormi Hotspurs fil-partitissima tal-ġurnata kontra l-leaders tal-kampjonat tat-Tieni Diviżjoni San Ġiljan Saints.
Kienet logħba mistennija li offriet spettaklu lil kull min segwa din il-partita fil-grawnd ta’ Santa Lucija.
Biż-żewġ timijiet ċerti li staġun ieħor se jkunu promossi, il-konfront kellu jagħti indikazzjoni ta’ min se jieħu l-kampjonat. Tliet punti kienu qed jifirdu lil dawn it-timijiet qabel din il-partita.
Il-partitarji ta’ San Ġiljan telgħu bi ħġarhom jagħtu s-sapport mixtieq u l-logħba ma ddiżappuntatx.
Fl-ewwel taqsima l-Ġiljaniżi kellhom aktar mill-ballun, b’Qormi li bdew itellgħu l-kontrattakki perikolużi tipiċi tagħhom.
Fl-24 minuta kien hemm l-ewwel okkażjoni tal-logħba meta xutt ta’ Matt Callaghan sab lil gowlkiper ta’ Qormi Dwayne Camilleri attent hekk kif laqa’ għall-korner.
Fil-31 minuta kien hemm free kick ta’ Michael Hennessy għas-Saints u reġa’ kien Camilleri illi ċaħdu meta laqa’ tajjeb.
U ma kinitx sorpriża illi kienu huma li marru fil-vantaġġ meta wara azzjoni ta’ free kick li nkariga minnu Parkhill, kien Matt Callaghan illi bir-ras għeleb lill-keeper ta’ Qormi għall-gowl tal-vantaġġ.
Bl-ewwel taqsima tagħlaq 1-0 favur San Ġiljan.
Fit-tieni taqsima, iż-żgħażagħ Qriema ppruvaw iwettqu reazzjoni u wara azzjoni tipika ta’ kontrattakk, xutt ta’ Andy Camilleri kien dgħajjef wisq biex jinkwieta lil Ryan Kerr.
Mas-siegħa logħob il-Hotspurs kienu żvinturati illi laqtu l-lasta wara xutt ta’ Yosef Bonnici.
U kontra x-xejra tal-logħob kienu San Ġiljan li rdoppjaw l-iskor wara li difensur waqqa’ lil Matt Callaghan fil-kaxxa bir-referee Sandro Spiteri jindika d-disk tal-penalty.
Mill-ħdax –il metru kien Michael Hennessy illi rdoppja l-iskor.
Wara dan il-gowl, Qormi altru milli ramew ix-xugaman għax wettqu reazzjoni furjuża illi ġabet id-dro drammatiku.
Fil-fatt fis-67 minuta huma naqqsu l-marġni tal-iskor bi ġmiel ta’ gowl minn barra l-kaxxa ta’ Yosef Bonnici illi ħasad lil Kerr.
L-isforzi taż-żgħażagħ Qriema ġew ippremjati tant illi ġabu d-draw drammatiku meta azzjoni insistenti fuq ix-xellug, ballun fin-nofs fejn mattar siequ Yosef Bonnici illi ġab id-draw fost il-ferħ tad-diriġenti kollha tat-tim.
Dan ir-riżultat iffavorixxa lis-Saints illi baqgħu jżommu t-tliet punti vantaġġ fuq l-eqreb rivali tagħhom.
Qormi H: Dwayne Camilleri, Neil Cauchi, Jean Alesi Spiteri, Michael Barun, Andrew Camilleri, Aidan Caruana, Dylan Camilleri, Kyle Sultana, Shawn Deguara, Andy Camilleri, Yosef Bonnici.
San Ġiljan: Ryan Kerr, Robin Menzing, Andrew Clark, Nicholas Zammit, Wornar Heggerness, Christopher Camilleri, Ross Parkhill, Jacub Savara, Maurice O’Donoghue, Matt Callaghan, Michael Hennessy.
Referee: Sandro Spiteri
Sadanittant f’logħbiet oħra li saru, Naxxar Victorians u Tal-Qroqq Versity temmew konfront eċitanti fi draw ta’ 4-4. Kienet logħba bejn żewġ timijiet viċin xulxin fil-klassifika fejn kien hemm botta u risposta miż-żewġ naħat bil-logħba tispiċċa fi skor ġust.
Connor Muchmore u James Camilleri skorjaw doppjetta kulwieħed għal Victorians filwaqt illi Tal-Qroqq irrispondew b’żewġ gowls ta’ Adam Eshum u gowls ta’ Emerson Vella u Yaya Touray.
Fl-aħħarnett waslet l-ewwel rebħa fil-kampjonat għal Mqabba Albions illi fid-dwell bejn żewġ naħat illi kienu fl-aħħar postijiet tal-klassifika huma għelbu lil Mosta Vikings bl-iskor ta’ 4-3.
L-Albions stabbilixxew vantaġġ ta’ 4-0 illi m’għarfux iżommuh sew tant illi l-Vikings kienu se jagħmlu rimonta drammatika. Fl-aħħar mill-aħħar kienu l-Imqabbin illi ħarġu bid-daħka minn dan il-konfront.
Jake Gower skorja żewġ gowls filwaqt illi Ayrton Elsworth u Mario Dominicus Pen żiedu tnejn oħra għall-Imqabbin.
Żewġ gowls ta’ Daniel Ancilleri u ieħor ta’ Chris Farrugia rrispondew għall-Mostin.
KLASSIFIKA: San Ġiljan S 22, Qormi H 19, Tal-Qroqq 10, Naxxar V 9, Mqabba A 5, Mosta V 2
Ritratt: Warren Sammut
Rapport: Robert Busuttil