“Donazzjonijiet minn Malta qed jippermettu lil eluf ta’ persuni f’Batan ikollhom xi ħaġa x’jieklu ta’ kuljum”

Mil-lum il-Ġimgħa 17 ta’ Lulju tibda edizzjoni oħra tal-maratona annwali ta’ Oħloq Tbissima, li permezz tagħha jinġabru fondi biex tingħata għinuna lill-missjunarji biex ikompli jwettqu l-ħidma tagħhom u jgħinu lil dawk fil-bżonn.

“Donazzjonijiet minn Malta qed jippermettu lil eluf ta’ persuni f’Batan ikollhom xi ħaġa x’jieklu ta’ kuljum” – dan joħroġ minn kummenti li ta Fr Joe Cremona  MSSP fl-okkażjoni tat-tħejjijiet għall-maratona Oħloq Tbissima ta’ din is-sena.

Bataan hija provinċja fil-Filippini. Fi kliem Fr Joe, f’dawn l-aħħar xhur ħafna familji intlaqtu minn kriżi ekonomika frott l-impatt tal-COVID 19 li wasslet biex ħafna persuni jispiċċaw bla xogħol u għalhekk, qed isibuha diffiċli biex imantnu lill-familja tagħhom.

Kull ġimgħa Fr Joe iqassam ħampers bi prodotti essenzjali tal-ikel bħal ross, żejt, dqiq, ħalib, zokkor, u xi bottijiet tal-ikel ppriservat. Dan seta’ jagħmlu permezz ta’ donazzjonijiet minn Malta miġbura s-sena li għaddiet miċ-Ċentru Animazzjoni Missjunarja tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, taħt id-direzzjoni ta’ Fr Louis Mallia MSSP, fl-aħħar maratona Oħloq Tbissima.

Fondi miġbura waqt il-maratona Oħloq Tbissima jintużaw b’risq il-ħtiġijiet fil-missjonijiet differenti li s-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl għandha madwar id-dinja, f’uħud mill-ifqar reġjuni tal-pajjiżi fejn qegħdin jaħdmu. 

Mistoqsi dwar kif jirnexxielu jaħdem f-ambjent iebes fejn daqqa’ tonqos ħaġa u daqqa oħra u fejn ta’ kuljum familji fil-bżonn imorru jħabbtu fuq il-bieb tad-dar tiegħu, u dan b’riżorsi limitati, Fr Joe spjega li “aħna nemmnu li l-Providenza ma tonqosx!” 

Din is-sena OĦLOQ TBISSIMA se tittella’ bejn is-17 u d-19 ta’ Lulju. 

Id-donazzjonijiet jistgħu isiru b’diversi modi. Wieħed jista’ jmur fid-Dar ta’ San Ġużepp Santa Venera, biex jagħti d-donazzjoni tiegħu personalment. Jistgħu isiru wkoll donazzjonijiet permezz tat-telefon fuq in-Numri li ser jintwerew matul ix-xandirijiet kulljum.

Wieħed jista’ jagħti l-kontribuzzjoni tiegħu minn issa billi jċempel fuq dawn n-numri:

51002031 – €20
51902080 – €50

Wieħed jista’ ukoll jibgħat SMS:

50619285 – €11.65

Il-linja tal-pleġġ ser tinfetaħ dakinhar tax-xandira u ser ikollha in-numru 21445544

Wieħed jista’ wkoll jagħmel id-donazzjoni tiegħu mill-website www.ohloqtbissima.com.

Oħloq Tbissima se tixxandar fuq F-Living, li ser ixandar il-maratona kollha tul it-tlett ijiem, u kif ukoll jidħlu fuq One, Net u TVM2 għax dawn ukoll ser ixandru ħinijiet fuq l-istazzjonijiet tagħhom. Il-maratona ser tkun ukoll streamed live fuq il-Facebook page ta’ Oħloq Tbissima.