​Donazzjoni ta’ xalpi b’tifkira tal-vittmi ta’ Hillsborough

It-tim ta’ Liverpool FC għadu kif nieda kampanja f’għeluq il-25 sena anniversarju mit-traġedja ta’ Hillsborough.
Dan l-inċident ferm ikrah kien seħħ fil-15 ta’ April 1989 waqt is-semifinali tal-FA Cup Ingliża.
Liverpool qed jistiednu lill-partitarji tad-dinja kollha sabiex ifakkru s-96 vittma li tilfu ħajjithom dakinhar b’donazzjoni ta’ xalpi.
Kull xalpa li tintbagħat se titqiegħed waqt Hillsborough Memorial Service fil-pitch ta’ Anfield nhar il-15 ta’ April u bihom jiffurmaw in-numru 96.
Kenny Dalglish diġa kiteb lil 92 klabb tal-futbol Ingliż inklużi t-timijiet mill-Irlanda ta’ Fuq, l-Iskozja u Wales sabiex jibagħtu x-xalpi tagħhom.
Margaret Aspinall iċ-chairman tal-Hillsborough Family Support Group qalet li din għandha tkun esperjenza unika għall-familjari u għal dawk li baqgħu ħajjin minn dak l-inċident.
Din l-istedina hija miftuħa mhux biss għall-klabbs tal-futbol imma għal pubbliku in ġenerali u għad-dilettanti kollha ta’ kull sport.
Dawn ix-xalpi għandhom jaslu għand Hillsborough Scarves, 20 Chapel Street, Liverpool, L3 9AG sa mhux aktar tard mit-Tlieta 8 ta’ April 2014.
Ix-xalpi kollha se jingħataw b’donazzjoni għal kawżi ġusti fl-Ingilterra.