Donazzjoni ta’ €25,000 lill-Istrina mill-Grupp Farsons

Donazzjoni ta’ € 25,000 kienet ippreżentata mill-Grupp Farsons lill-President ta’ Malta,  Marie Louise Coleiro Preca u żewġha Edgar Preca waqt il-maratona tal-Istrina ta’ din is-sena li saret fil-Padiljun Sportiv tal-Kottonera.
Il-preżentazzjoni saret miċ-Chairman tal-Grupp Farsons, Louis A. Farrugia, il-Kap Eżekuttiv, Norman Aquilina, u rappreżentanti tal-maniġment u impjegati.
Il-Grupp organizza numru ta’ attivitajiet għall-impjegati u l-familji tagħhom matul is-sena, li jinkludu avvenimenti sportivi, quiz night, il-BBQ tas-sajf u attivitajiet kulturali fost oħrajn. Il-Malta Community Chest Fund kienet waħda milli bbenefikat minn dawn l-avvenimenti.
“Kull sena l-Istrina tattira rispons kbir mill-pubbliku Malti u aħna kburin li nikkontribwixxu għal din il-kawża ġusta. Il-Grupp tagħna huwa impenjat bis-sħiħ għal dawn l-avvenimenti soċjali b’risq il-komunità u l-impjegati tagħna huma dejjem ġenerużi u lesti biex jagħtu daqqa t’id,” ikkummenta Louis A. Farrugia.