Donazzjoni lill-Caritas mill-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi

Il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi għadha kemm ippreżentat donazzjoni ta’ €1,000 lill-Fondazzjoni Caritas Malta bħala għajnuna wara sejħa li saret minn din l-entità.

L-FES temmen bis-sħiħ fil-valur ta’ solidarjetà u għalhekk meta rat il-bosta appelli għall-għajnuna minn NGOs u għaqdiet tal-volontarjat, talbet għall-għajnuna biex tkun tista’ tgħin familji vulnerabbli, mall-ewwel ħadet azzjoni.

Fost il-gruppi li kienu qed ifittxu l-għajnuna kien hemm il-Fondazzjoni Caritas Malta. Il-kampanja kien jisimha: Inkopru l-Bażiku, li permezz tagħha, fost l-oħrajn,  kienu qed jinkoraġġixxu biex entità tagħti €185 li bihom ikunu qed ikopru l-oġġetti essenzjali ta’ familja ta’ żewġ adulti u żewġt itfal.

Il-management tal-FES laqa’ t-talba li kienet qed tagħmel il-Fondazzjoni Caritas Malta u talab lill-ħaddiema tal-uffiċċju ewlieni, flimkien mal-ħaddiema fiċ-childcare centres u l-kordinaturi ta’ Klabb 3-16 biex min irid jagħti donazzjoni li kienet se tinqatagħlhom mill-paga tax-xahar ta’ Mejju 2020. L-għan kien li l-FES tagħti sostenn imqar lill-familja waħda, pero l-ħaddiema kkonkorrew b’mod inkoraġġanti u t-total ta’ donazzjonijiet koprew l-ispejjeż ta’ erba’ familji, hekk kif it-total miġbur kien dak ta’ €1,000.

Id-donazzjoni kienet preżentata lid-Direttur tal-Fondazzjoni Caritas Malta s-sur Anthony Gatt, mill-Kap tal-Business Support tal-FES s-sur Mark Cassar f’isem il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi.

Il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, hija l-organu ewlieni wara l-organizzazzjoni ta’ SkolaSajf, Klabb 3-16 u ċ-Childcare Centres tal-Gvern.  Din ma hix l-unika inizjattiva li tieħu l-FES bħala parti mir-responsabbiltà soċjali tal-entità, fejn fost l-oħrajn tħeġġeġ biex ikun hemm inizjattivi simili anke waqt il-programmi diversi li torganizza.

Dan it-tagħrif twassal mill-Fondazzjoni Għas-Servizzi Edukattivi.