Donaturi tad-demm b’rikonoxximent mill-President

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm li se jkun iċċelebrat il-Ġimgħa 14 ta’ Ġunju, il-President Dr George Vella se jkun qed jagħti rikonoxximent ta’ radd il-ħajr, id-donaturi tad-demm f’isem il-poplu Malti.

Iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm appella biex il-pubbliku jieħu l-eżempju ta’ dawn id-donaturi u jibdew jagħtu d-demm, u dawk li diġà jagħtu jkomplu jagħmlu dan.

Kull min jixtieq li jagħti d-demm jista’ jmur

  • Fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ G’Manġa li jiftaħ kuljum mit-8:00am sas-6:00pm.
  • Fil-Mobile Blood Donation Unit li l-Ħadd 16 ta’ Ġunju se jkun quddiem il-knisja tal-Familja Mqaddsa fiż-żona tas-Sgħajtar fin-Naxxar bejn it-8:30am u s-1:00pm.
  • Fil-Berġa tax-Xewkija f’Għawdex li t-Tlieta 18 ta’ Ġunju se tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1:00pm sal-5:00pm.

Iċ-Ċentru tal-Għoti tad-demm fakkar li qabel wieħed jagħti d-demm jiekol u jixrob, kif ukoll jieħu l-karta tal-identità, jew il-liċenzja tas-sewqan jew passaport Malti. Ħeġġew biex kull min jixtieq jagħti d-demm iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.

Is-servizz nazzjonali tat-transfużjoni tad-demm qal li matul din is sena saru diversi kollaborazzjonijiet u inizjattivi biex jinħoloq iktar għarfien dwar il-bżonn tad-demm.

Spjegaw li diversi binjiet inxtegħlu bl-aħmar biex ifakkru dan il-jum kif ukoll se jsir Kunċert għad-Unur id-Donaturi tad-Demm fil-15 ta’ Ġunju fit-8:00pm ġo Villa Rundle, Ir-Rabat Għawdex.