Donald Trump m’għadux joqgħod New York … mar Florida

U.S. President Donald Trump speaks during a bill signing ceremony for the “First Step Act” and the “Juvenile Justice Reform Act” in the Oval Office of the White House in Washington, U.S., December 21, 2018. REUTERS/Joshua Roberts

Il-President Amerikan Donald Trump ħabbar li se jagħmel Florida bħala r-residenza uffiċjali tiegħu minflok New York, il-post fejn hu mniżżel li joqgħod fi Trump Tower.

Trump qal li l-mexxejja politiċi ta’ New York dejjem ittrattawh ħażin minkejja li ħallas miljuni ta’ dollari f’taxxi. Trump twieled fi New York imma qed iqatta’ aktar u aktar ħin fil-post tiegħu ta’ Mar-a-Lago f’Palm Beach.

Il-President, li hu tal-Partit Repubblikan, dejjem kellu xi jgħid mal-gvernatur ta’ New York Andrew Cuomo u mas-Sindku ta’ New York City bill de Blasio, it-tnejn tal-Partit Demokratiku. Minn naħa tagħhom dawn laqgħu bil-ferħ l-aħbar li l-President kien sejjer Florida.

De Blasio fi Tweet qal lil Trump: “Meta tkun ħiereġ attent li ma jolqtoqx il-bieb!” waqt li Cuomo sfida lil Trump biex juri bil-fatti li tassew ħallas it-taxxi li suppost kellu jħallas. Spiċċa billi qal: “Kollu tagħkom, Florida.”

Ta’ min ikun jaf li Trump qatt ma ppubblika kemm iħallas taxxi u dejjem irrifjuta jagħti informazzjoni twar it-taxxa personali tiegħu. Il-Mar-a-Lago kien xtraha fl-1985 u hu l-ħin kollu ġej u sejjer minn hemm għal White House.

Il-gazzetta The New York Times kitbet li Trump ma jridx jibqa’ mniżżel bħala New Yorker. Irid ikun imniżżel li jgħix Florida, il-post favorit tas-sinjuri minħabba raġunijiet ta’ taxxa.

Fis-7 ta’ Ottubru li għadda mħallef kien ordna lill-President biex jgħaddi d-dokumenti tat-taxxa tiegħu tal-aħħar tmien snin lill-investigaturi fi New york u ċaħad it-talba ta’ Trump li waqt li jkun president ikollu immunità totali. Dan ifisser li issa l-investigaturi jistgħu jistħarrġu aktar fil-fond l-akkuża ta’ żewġ nisa li tħallsu bil-moħbi minn Trump wara li kellhom relazzjonijiet miegħu.