Donald Trump lest ‘iwaqqa’ l-Gvern’ l-aqwa li jibni l-ħajt

Il-President Amerikan Donald Trump qal li lest iwaqqa’ l-Gvern basta jibni l-ħajt fuq il-fruntiera mal-Messiku.
Waqt rally għal partitarji tiegħu f’Phoenix Arizona, Donald Trump wiegħed li jiġri x’jiġri l-ħajt se jinbena.
Donald Trump bena l-kampanja presidenzjali tiegħu fuq din il-wiegħda li ġabet il-kundanna ta’ ħafna. Trump dejjem insista li se jkun il-Messiku li se jħallas għalih.
Waqt diskors li dam 80 minuta, Donald Trump iddeskriva lid-Demokratiċi fl-Oppożizzjoni bħala ostaklu.
Il-President Amerikan attakka wkoll lill-midja u qal li qed iservu ta’ pjattaforma għall-gruppi tal-lemin estrem.
Tkellem ukoll dwar in-NAFTA, ftehim ta’ negozju bejn l-Istati Uniti, il-Messiku u l-Kanada u qal li dan jinsab fil-mira tiegħu u li probabbilment iwaqqfu.
Dwar il-Korea ta’ Fuq, Trump deher aktar fiduċjuż u qal li Kim-Jong-un jidher li beda jirrispetta lill-Amerikani.
“Jista’ jkun, imma probabbilment le, imma jista’ jkun – li minn dan kollu toħroġ xi ħaġa pożittiva,” qal Trump għalkemm ma spjegax għal xiex kien qed jirreferi.