Donald Trump jgħid li Fidel Castro kien “dittatur brutali”

Il-President-elett tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li l-eks-mexxej Kuban Fidel Castro kien dittatur brutali.
Ilbieraħ tħabbret il-mewt ta’ Fidel Castro, li kellu 90 sena, minn ħuh Raul, f’messaġġ fuq l-istazzjon televiżiv tal-istat Kuban.
Donald Trump qal li l-mewt ta’ Castro timmarka l-mewt ta’ dittatur brutali li oppressa lill-poplu tiegħu stess għal kważi 60 sena.
Trump qal dan fi stqarrija li ġiet ippubblikata ftit tas-sigħat wara li tħabbret il-mewt ta’ Castro.
Qal li l-wirt ta’ Fidel Castro hu bbażat fuq vjolenza, serq, tbatija kbira, povertà u n-nuqqas ta’ drittijiet fundamentali tal-bniedem.