Donald Trump jbiddel id-diska u jwissi dwar il-perikli tal-coronavirus

REUTERS/Tasos Katopodis

Read in English.

Il-President Donald Trump, biddel ir-retorika u t-ton tiegħu nhar it-Tlieta, fejn ħeġġeġ lill-Amerikani biex jilbsu l-maskri jekk ma jistgħux iżommu d-distanza soċjali u widdeb li l-pandemija tal-coronavirus kapaċi tiħrax qabel ma tibda’ tittaffa.

Fl-ewwel press briefing tiegħu dwar il-pandemija, Trump ħeġġeġ liż-żgħażagħ sabiex jevitaw li jmorru f’stabbilimenti li jkunu mimlijin nies u saħaq li xi darba, il-virus għad jintemm.

Il-kummenti ta’ Trump jirriflettu bidla fl-istrateġija minn meta kien jisħaq biss li se jiftaħ l-ekonomija Amerikana wara żmien twil li ilha magħluqa u din kienet l-ewwel darba li ammetta kemm il-problema saret gravi.

“Probabbilment, u sfortunatament, il-pandemija taf taqleb għall-agħar qabel ma taqleb għall-aħjar – xi ħaġa li ma tantx inħobb ngħidha iżda l-affarijiet hekk qegħdin,” qal Trump lill-ġurnalisti.

Kważi 142,000 persuna mietet fl-Istati Uniti mill-marda kontaġġjuża tal-COVID-19, l-ikbar għadd ta’ mwiet f’pajjiż.

Il-president Repubblikan, li fil-bidu, qatt ma qies il-pandemija bħala xi ħaġa gravi u li darba kien irrefera għall-ilbies tal-maskra bħala ‘att politikament korrett’, dam jirrifjuta li jilbes maskra biex jgħatti wiċċu.

L-ewwel darba li libes maskra fil-pubbliku kien waqt żjara riċenti f’sptar militari, iżda mill-bqija, dejjem qagħad lura milli jilbes waħda quddiem il-ġurnalisti.

L-ilbies tal-maskra saret xi ħaġa partiġġjana fejn sostenituri tal-president qed jargumentaw li jekk jintalbu jilbsu maskra, dan ikun qed imur kontra l-libertajiet ċivili tagħhom. Ftit nies fil-fatt libsu maskra waqt l-ewwel rally ta’ Trump minn meta bdiet il-pandemija, liema rally sar f’Tulsa, fl-Oklahoma, aktar kmieni dan is-sajf.