“Domna 4 sigħat nistennew għall-kondotta”; “il-ħin ta’ stennija jista’ jkun li żdied” – Pulizija

Read in English.

Persuni li fl-aħħar jiem marru jiġbru l-kondotta tagħhom mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija qalu ma’ Newsbook.com.mt li għamlu madwar erba’ sigħat jistennew fi kju twil u fix-xemx biex jiġbru l-kondotta. Intant, il-Pulizija wieġbu xi mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt fejn spjegaw li “it-tul ta’ ħin ta’ stennija jista’ jkun li żdied”.

Kelliema għall-Pulizija spjegat li l-Uffiċċju tal-Kondotti, li jinsab fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana, jopera mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn is-7.30am u 12pm u 12.15pm u 2.15pm. Intant, is-Sibt jopera bejn it-8.15am u 12pm. Spjegat li jkun hemm uffiċjal jew tnejn iservu lin-nies.

Intant kompliet tgħid kif fl-aħħar żmien, l-għadd ta’ persuni li qed japplikaw għal kondotti żdied u minħabba f’hekk, l-istennija quddiem l-uffiċċju “jista’ jkun” li qed tiżdied.

Is-sorsi ta’ Newsbook.com.mt spjegaw li għamlu sigħat twal jistennew fi kju li dar dawra mejt mal-parapett tad-depot, f’ħin li x-xemx tkun l-aktar qalila.

Il-miżuri tal-COVID-19 qed ikunu segwiti?

Is-sorsi ta’ Newsbook.com.mt spjegaw li meta wieħed jasal biex jiġbor il-kondotta, uffiċjal tal-pulizija joħodlu t-temperatura u jekk din tkun normali, mela jingħata karta li kien approvat biex jistenna fil-kju. Spjegaw li meta wieħed imur fil-kju, minħabba l-ammont kbir ta’ nies li qed ikun hemm jistennew, id-distanza soċjali ta’ żewġ metri hija impossibbli li tinżamm u ħadd ma kien qed jenforzaha kif suppost.

Newsbook.com.mt staqsa lill-Korp tal-Pulizija dwar dan, partikolarment dwar x’inhuma l-miżuri li qed jittieħdu biex is-saħħa tal-persuni li jkunu qed jistennew hemm tkun assigurata. Il-kelliema spjegat li twaħħlu stickers mal-art fuq ġewwa u żebgħa mal-art fuq barra (fejn hu possibbli). Dawn saru bl-intenzjoni li jinfurzaw id-distanza li għandha tinżamm bejn persuna u ohra. Ikkonfermat li qabel persuna titħalla toqgħod fil-kju, tittiħdilha t-temperatura. Intant, kull persuna trid tkun liebsa maskra jew visor. Meta wieħed jasal fuq ġewwa tal-Uffiċċju, tpoġġew hand sanitizers fil-kuritur. Sostniet li l-Pulizija qed ifakkru l-ħin kollu lin-nies biex iżommu d-distanza bejniethom. “Huwa fl-interess tal-istess individwu li jara li qiegħed iżomm id-distanza rakkomandata mill-Awtoritajiet tas-Saħħa,” insistew il-Pulizija.

Aħsiblu qabel jekk trid tordna l-kondotta online

Jekk ma tixtieqx tagħmel sigħat twal tistenna fi kju, il-Korp tal-Pulizija joffri servizz li jippermetti li wieħed jordna l-kondotta tiegħu online. Iżda jekk bi ħsiebek tagħmel dan, trid taħseb minn qabel. Dan hekk kif skont il-Pulizija, il-kondotta bil-posta ġeneralment tieħu medja ta’ sebat ijiem biex tasal. Intant, fuq is-sit minn fejn wieħed jista’ jordna l-kondotta online, dan jgħid li l-kondotta tasal għand dak li jkun fi żmien erbat ijiem minn meta tkun ordnata.

Newsbook.com.mt staqsa dwar il-possibiltà li l-kondotta, meta ordnata online, tintbagħat b’mod diġitali. Madanakollu l-Pulizija ma kkonfermatx jekk dan hux possibbli li jsir jew jekk hemmx ħsieb li jibda jsir fil-futur.

Mal-240 kondotta kuljum

Intant, il-kelliema għall-Pulizija spjegat ukoll li l-Uffiċċju tal-Kondotti qed joħroġ madwar 240 kondotta ta’ kuljum. Din il-medja hija kkalkulata fuq ix-xhur ta’ Lulju u Awwissu.