“Domna 14-il siegħa biex wasalna Sqallija bl-Air Malta”

Passiġġieri li kienu skedati li jitilqu minn Malta għal Palermo fi Sqallija fuq titjira tal-Air Malta, damu 14-il siegħa biex waslu fid-destinazzjoni tagħhom, u dewmien ta’ erba’ sigħat oħra biex ġew lura Malta.

Ma’ Newsbook.com.mt diversi passiġġieri spjegaw li t-titjira  għal Sqallija kellha titlaq f’12.20pm fit-8 ta’ Ġunju u spiċċaw telqu fis-2am tal-għada.

Dan id-dewmien ġie kkonfermat minn kelliem tal-Air Malta, li spjega li dan ġara minħabba li l-ajruplan mikri tal-Air Malta li qed jopera fuq din ir-rotta kien jeħtieġ manutenzjoni urġenti.

Il-passiġġieri li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt spjegaw li minħabba f’hekk spiċċaw tilfu laqgħat li kellhom skedati nhar il-Ġimgħa, minbarra li kellhom ukoll jibbukkjaw lejl ieħor f’Palermo.

Il-passiġġiera lmentaw ukoll li l-ilmenti tagħhom mal-Air Malta baqgħu ma ġewx imwieġba.

Dwar dan il-kelliem qal li kull min jikteb lil Air Malta jirċievi konferma minnufih u jiskatta minnufih proċess ta’ verifikazzjoni.

L-istess kelliem qal li l-Air Malta hija fost l-aqwa fid-dinja, skont stħarriġ riċenti tal-Air Help f’dak li għandu x’jaqsam ma’ servizzi tal-konsumatur u l-kumpens jingħata fi żmien qasir.

Skont regoli tal-Unjoni Ewropea dawk il-passiġġieri li jkollhom dewmien ta’ aktar minn tliet sigħat huma intitolati għal kumpens, sakemm id-dewmien ma jkunx minħabba maltemp.

“Solvu l-problemi tal-Air Malta issa” – PD

Intant, fi stqarrija, il-Partit Demokratiku esprima t-tħassib tiegħu dwar il-problemi “fl-ippjanar tat-titjiriet dan l-aħħar”.

Saħaq li l-Air Malta mhix biss il-linja nazzjonali, imma tirrifletti wkoll l-effiċjenza tal-pajjiż.