Dolly Parton tiċċelebra 53 sena miżżewġa; Iltaqgħu meta kellha 18-il sena

Spiss l-aktar stejjer fix-xena tal-ispettaklu li jagħmlu ħoss bla dubju jkunu dawk l-istejjer ta’ ġlied bejn koppji famużi jew divorzju. Iżda huma bosta dawk il-koppji li wkoll li għandhom relazzjonijiet sodi u ilhom flimkien għal bosta snin twal.

Każ partikolari huwa dak tal-attur Kirk Douglas u martu Anne Buydens li għadhom kif għalqu 65 sena miżżewwġa fid-29 ta’ Ġunju.

AQRA: L-attur Kirk Douglas u martu Anne Buydens jiċċelebraw 65 sena ta’ żwieġ; Għandhom 102 u 100 sena rispettivament

Proprju llum, il-31 ta’ Mejju, koppja oħra qed tiċċelebra anniversarju: Dolly Parton u żewġha Carl Dean fil-fatt illum għalqu 53 sena miżżewġa. Iż-żwieġ ta’ Parton hu meqjus li hu wieħed mill-aktar żwiġijiet li rnexxew fix-xena tal-mużika country.

Mhux l-ewwel darba li staqsew lil Parton x’inhu s-sigriet biex żammet iż-żwieġ tagħha ħaj u hi ssostni li b’kuntrarju għal koppji oħra, id-distanza u l-firda żżommhom magħquda.

Mhux xi sigriet li minħabba fil-karriera tagħha fil-mużika u fil-films, hi jkollha ssiefer ta’ spiss iżda tgħid li dan il-fatt dejjem jagħmilhom ħerqana biex wara jgħożżu aktar lil xulxin.

Huma ltaqgħu fl-1964 meta hi kellha 18-il sena u jsostnu li saru jinħabbu mill-ewwel. Fil-fatt Carl jgħid li ried jiżżewwiġha mal-ewwel darba li tefa’ ħarstu lejha. Isostni wkoll li jekk jingħata għażla ma jibdel l-ebda mument f’dawn is-snin kollha li qatta’ ma’ Dolly għal xi ħaġa oħra.

1966: Dolly u Carl fil-Jum tat-tieġ tagħhom

Tul is-snin kollha li ilhom flimkien, Carl Dean (77 sena) u Dolly Parton (73 sena) dehru darba waħda biss fil-pubbliku għal avveniment soċjali. Huwa magħruf bħala bniedem riservat u ma jħobbx ikun fl-għajn pubblika.

Dan il-fatt jitqies bħala fattur ieħor li wassal għas-suċċess fiż-żwieġ ta’ dawn it-tnejn hekk kif għarfu l-ispazju li kellhom jagħtu wieħed lil oħra, irrispettaw ix-xogħol u s-suċċessi ta’ xulxin u għarfu wkoll li meta jkun possibbli jqattgħu ħafna ħin flimkien u japprezzaw lil xulxin kull meta dan kien possibbli.

Dolly u Carl qatt ma kellhom ulied, għalkemm hija wkoll il-parrina tal-kantanta u attriċi Miley Cyrus.