Dolly Parton tagħlaq 50 sena fil-Grand Ole Opry

Ritratt: Instagram

Dolly Parton nhar is-Sibt li għadda ċċelebrat il-50 sena tagħha bħala membru tal-Grand Ole Opry b’kunċert f’Nashville quddiem sala ppakkjata għal kollox. Il-kantanta, attrici  u kompożitriċi tad-diski ta’ 73 sena, kantat fl-Opry meta kellha biss 13-il sena.

Dawk il-kantanti li jitħallew isiru membri tal-Opry huma dawk li jiġbdu l-akbar numru ta’ fans għat-tip tal-mużika Country and Western, u li tkun aċċettat bħala membru hu l-akbar unur li kantant ta’ din it-tip ta’ mużika  jista’ jkollu fil-karriera tiegħu. Dolly Parton kienet aċċettata bħala membru fl-4 ta’ Jannar tal-1969 meta kellha 22 sena.

Mument waqt il-wirja tas-Sibt li għadda waqt il-Grand Ole Opry. Ritratt: Instagram

Fl-okkażjoni speċjali tas-Sibt li għadda għal Dolly Parton ħadu sehem fost l-oħrajn Hank Williams Jr, Toby Keith u Lady Antebellum. Dan l-spettaklu ġab fi tmien ġimgħa ta’ kunċerti li saru biex ifakkru lill-kantanta.

Meta kellmet lill-ġurnalista qabel l-ispettaklu Dolly Parton iċċajtat magħhom u qaltilhom li meta l-amministraturi tal-Opry avviċinawa dwar l-anniversarju tagħha qaltilhom: “ Ma nixtieqx li n-nies jaħsbu li jien għandi 50 sena.” Il-kantanta qalet li l-anniversarju jfakkarha fl-ewwel darba li ħadet sehem u kantat fil-post.

L-ewwel dehra ta’ Dolly Parton fil-Grand Ole Opru 50 sena ilu. Ritratt: Instagram

Dolly Parton semmiet ukoll li meta n-nies jgħidu li ilha 50 sena fil-Grand Ole Opry jkunu jiżbaljaw.

“Fil-fatt hija s-60 sena,” qalet, “għax kantajt l-ewwel darba meta kelli 13-il sena u kien introduċieni Johnny Cash.”